L-eks Prim Ministru Joseph Muscat, fetaħ kawża ġdida fejn fiha għamel talbiet li kien kontinwament qed jinżamm milli jagħmel, jiġifieri l-aħjar provi li juru li l-għaqda Repubblika xehdet li qatt ma indikat li fl-inkjesta li talbet fuq il-konċessjoni tal-isptarijiet, issir investigazzjoni fuq Dr Muscat.
Biex fetaħ din il-kawża, Dr Muscat ħtieġlu jwaqqa’ l-kawża preżenti fil-Qorti.
Permezz ta’ post fuq Facebook, Dr Muscat qal li qed jiftaħ din il-kawża ġdida biex toħroġ il-verità partikolarment bl-inklużjoni tat-talbiet li s’issa nżamm milli jippreżenta.
Muscat qal kif waqt li rappreżentanti tal-għaqda Repubblika xehdu li qatt ma indikaw biex issir investigazzjoni fuqu, il-Maġistrat Gabriella Vella, li ma rrikużatx lilha nnifisha wara diskors partiġġjan minn ħuha u missierha, xorta waħda għażlet li tinvolvih u tibgħatlu l-Pulizija f’daru.
Spjega kif dokument mill-atti tal-inkjesta hu importanti biex jikxef il-verità, iżda tar-Reppublika ma jridux jippreżentawh, għax qed jibżgħu li toħroġ fid-deher il-logħba maħmuġa tagħhom.
Muscat qal li hu għalhekk fetaħ kawża ġdida biex jgħid li anke dan in-nuqqas li jippreżenta l-aħjar prova mill-inkjesta maġisterjali jikser id-drittijiet fundamentali, li sejjaħ il-każ bħala frame-up politiku.
Saħaq li hu ma għandux x’jaħbi u tax-xogħol li wettaq tħallas u ħallas it-taxxa fuqu.
Temm jgħid li llum jew għada l-verità ser toħrog bħal ma ħarġet f’tal-Egrant.