“Biex ma navvanzawx fil-ligi tal-IVF reġgħu ivvintaw li ndaħħlu l-abort” qal Joseph Muscat l-Imqabba, waqt mass meeting tal-Partit Laburista.
Fakkar li l-aħħar persuna li tkellmet b’ xi mod favur l-abort kien Tonio Borg meta deher quddiem il-Parlament Ewropew.
Lil forzi konservattivi qallhom “aħna sodi fil-konvinzjoni tagħna għal libertajiet ċivili ġodda. Mhux se jwaqqfuna milli navvanzaw il-liġi tal-IVF kif ma waqqfux l-avvanz tad-dħul tal-Morning After Pill”.
Lin-nies qalilhom li grazzi għalihom, illum għandna 62 ħajja gdida f’ pajjiżna, familji kuntenti li grazzi għax-xjenza għandhom wild.
“Jien qed nikkommetti hawn li mmexxi ‘il quddiem aktar avvanzi f’ din il-liġi biex ngħinu aktar familji jaslu għax-xewqa tagħhom li jħaddnu tarbija magħhom u jgħidulha binti, ibni. Għalija dan mhux sempliċi proposta politika, dan huwa impenn personali, konvinzjoni li naf xi tfisser. Bħala Prim Ministru se nagħti dak kollu li nista’ biex kull min għandu bzonn jgħaddi minn din il-ferħa, minn din il-milja. Din hija l-kelma li ntikom u l-kelma tiegħi tal-azzar” qal Joseph Muscat.
Lil dawk il-koppji li lanqas ix-xjenza ma tista’ tgħinhom, Gvern Laburista lest jgħinhom aktar fil-missjoni tal-addozzjoni, kif se jkun mgħejuna foster parents billi jiżdidilhom il-benefiċċju. Lil ġenituri, huma min huma, huma ta’ liema sess huma, li jaddottaw, se jsibu għajnuna billi jitħallsilhom il-passaġġ meta jmorru barra minn Malta biex jaddottaw, u billi jingħataw sa’ €10,000 mhux biex imorru Għawdex, izda biex ikunu mgħejuna jtaffu l-ispejjez biex jaddottaw.
“Għaliex jekk trid tibdew familja ġdida, se ssibuna magħkom biex ngħinukom” qal Muscat.