Qabel il-mass meeting fix-Xagħra, Għawdex il-Prim Ministru u Mexxej laburista Joseph Muscat żar l-unika familja li tgħix f’Kemmuna. Familja li kienet qed tistennih b’ħerqa fil-fatt laqgħatu fir-residenza tagħhom fuq din il-gżira żgħira ferm popolari mhux biss mal-Maltin iżda anke mat-turisti, ma setgħax jonqos li jippreparawlu ukoll xi ħaġa tal-ikel għall-okkażjoni.
Il-Prim Ministru qal li din iż-żjara saret waħda ta’ tradizzjoni tul il-kampanja elettorali.
Salvu u Anglu Vella flimkien ma’ Veggie Buttigieg irringrazzjaw lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista li kien akkumpanjat mill-mara tiegħu Michelle Muscat b’ikel li għamlu huma stess f’kemmuna filwaqt li l-familja Muscat irregalat lil din il-familja ritratt tagħhom ma’ Maria, li sfortunatament ħallietna ftit taż-żmien ilu u li kienet ukoll tgħix Kemmuna.
Il-mexxej Laburista ddeskriva lil din il-familja bħala gwardjani għaliex l-preżenza tagħhom qed tgħin biex l-ambjent mill-isbaħ ta’ Kemmuna jibqa’ salvagwardjat.
Din iż-żjara tkompli turi kemm għall-Gvern Laburista u Joseph Muscat kull individwu huwa importanti.