Il-Prim Ministru Joseph Muscat irid iktar nisa fil-Partit Laburista u fit-tmexxija tal-Pajjiż.
Għalhekk fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, kien ipprezentat pjan ta’ għaxar snin biex dan iseħħ. Bl-isem ta’ ‘Lead’, il-programm ippreżentat mill-Ewroparlamentari Miriam Dalli għandu viżjoni ċara u strutturata.
Minn Settembru 2017 għal Settembru 2027 il-Partit Laburista se jimplementa l-proġett LEAD. Proġett b’skeda u miri ċari biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja politika.
Maqsuma fuq erba’ fażijiet, l-għan aħħari tal-Programm hu li sal-elezzjoni ġenerali tal-2027 nofs il-kandidati jkunu nisa.
Iżda biex naslu għal din il-mira ambizzjuża l-Partit Laburista qed jimmira li sal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u Kunsilli Lokali, fl-2019, ikun hemm 40% u 35% tal-kandidati nisa, rispettivament.
Fl-elezzjoni ġenerali li jmiss il-Partit Laburista qed jimmira għal minimu ta’ 35% kandidatura femminili.
Filwaqt li għall-elezzjonijiet ta’ wara tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali l-Partit Laburista jixtieq jara 50% u 40% tal-kandidati jkunu nisa, rispettivament. Biex evenwalment tintlaħaq il-mira finali ta’ nofs bin-nofs fl-2027.
Biex dan isir, il-Partit Laburista se jagħżel madwar 48 mara fuq medda ta’ 4 snin u jimplimenta l-Programm Lead li se juża’ sitt metodi prinċipali.
Il-Parteċipanti femminili se jingħataw servizz ta’ Mentoring, se japplikaw dak mgħallem f’esperjenzi tanġibbli, jitfasslilhom programm ta’ żvilupp u jingħataw l-opportunitajiet fuq il-mezzi tax-xandir. Dan filwaqt li titnieda kampanja nazzjonali u jkunu organizzati avvenimenti ta’ networking.
L-ewwel sejħa għal parteċipanti se tiftaħ f’ Settembru, u l-unika ħaġa mitluba hi li l-parteċipanti jikkommettu ruħhom li joħorġu għall-elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista.
Miriam Dalli spjegat ukoll kif se toħroġ sejħa oħra għal persuni intersesati li jkunu parti mill-proġett bħala mentors u parti mill-bord tal-għażla biex jagħtu t-taħriġ.
Dawn il-mentors ikunu meħtieġa jippreżentaw rapport kull tlett xhur tul is-sena taħriġ.
Madanakollu, Dalli saħqet ukoll li din hija inizjattiva inklussiva u għalhekk il-Partit Laburista se jkun qed joffri faċilitajiet ta’ child care matul il-programm u waqt kampanji elettorali u attivitajiet marbuta mal-mandat politiku.
Dawn jingħaqdu ma’ miżuri oħra proposti mmill-Partit Laburista lill-Gvern- li jinkludu miżuri pożittivi biex jiżdiedu r-rappreżrntanti nisa fil-Parlament, Servizz ta’ Child Care fil-Parlament u li l-Parlament isir full time fil-ħinijiet li jippromwovu work/ life balance.