Il-liġi tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali għandha tieqaf tassumi li l-impjegat huwa raġel, u taħseb għall-ħaddiema nisa. Quddiem l-imsieħba soċjali waqt konferenza li ddiskutiet il-proposti fir-reviżjoni tal-istess Att, il-Prim Ministru Joseph Muscat appella għal dak li sejjaħlu femminizazzjoni tas-suq tax-xogħol biex iktar nisa jitħajru jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Barra minn hekk saħaq li l-liġijiet riveduti għandhom jaħsbu b’mod globali biex jirregolaw l-influss ta’ ħaddiema barranin li pajjiżna qed iħaddem. Dan biex tkun miġġielda s-sitwazzjoni fejn ħaddiema barranin jitħaddmu illegalment, għad-detriment tagħhom u tal-ħaddiema Maltin.
Il-Prim Ministru stqarr ukoll li l-proposti diskussi għandhom jipprovdu għad-diskrepanzi li għadhom jeżistu bejn dawk li jaħdmu mal-privat u l-ħaddiema tal-gvern.
Muscat stqarr li hemm bżonn tal-introduzzjoni ta’ drittijiet ġodda bħas-sick leave meta t-tfal ikunu morda, leave f’ każ ta’ kanċer u żieda fil-minimum wage fost oħrajn.
Il-gvern lest li joħloq mekkaniżmi ġodda jew jissuplimenta dawk eżistenti biex jipprovdi dawn id-drittijiet, għaldaqstant il-flessibilità ta’ kulħadd hija kruċjali.
Il-Prim Ministru saħaq li pajjiżna rnexxilu jikseb riżultati ekonomiċi pożittivi, b’ rekord ta’ nisa fis-suq tax-xogħol, mhux minħabba s-sistema preżenti, anzi minkejja s-sistema u li kieku din ma titbiddilx pajjiżna jkun qiegħed f’ riskju ta’ falliment fil-futur.