Fuq One Radio il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-ikbar summit ta’ dan il-Gvern huwa s-summit tax-xogħol, fejn qed jinkisbu riżultati eċċellenti u iktar ġenituri rashom mistrieħa li wliedhom se jsibu post tax-xogħol, u jekk jintilef xogħol se jinstab ieħor. Kien hemm kważi 7,000 ruh bla xogħol meta beda dan il-Gvern, filwaqt li llum hemm inqas minn 3,000 jirreġistraw għax-xogħol. L-attitudni pro-business li wrejna fill-bidu issa qed tħalli l-frott tagħha, sostna l-Prim Ministru.
Qal li kien biss snin twal ilu li n-nies ifittxu xogħol kien daqshekk baxx, u kien fi żmien meta inqas nies kienu jaħdmu. Qal madanakollu li l-Gvern ikompli jinkwieta għal dawk li għadhom bla xogħol. Sostni li hemm bżonn li l-Gvern jitkellem dwar karrieri aktar minn xogħol, u dan huwa l-pass li jmiss. Dan itejjeb id-dħul tan-nies; dak li Muscat sejjaħlu l-progress naturali.
Fost l-iktar li kien hemm titjib, hemm il-persuni b’diżabiltà, fejn 60% ta’ dawk li kienu jirreġistraw sabu xogħol. In-numru ta’ żagħżagħ u nies li għandhom ċertu età wkoll qed isibu xogħol ferm iktar.
Din il-ġimgħa kellna l-konferma li d-dejn ta’ Malta niżel għal 60%, meta dan intiret b’aktar minn 70%. Il-piż tad-dejn treġġa’ lura għal dak li kien disa’ snin ilu. Dan ifisser li wliedna u wlied uliedna jridu jħallsu inqas għad-dejn ta’ llum. “M’aħniex qed nieklu llum mill-ikel t’għada” qal Muscat.
Tkellem dwar il-bidliet infrastrutturali li qed isiru, bħall-junction tal-Marsa li din il-ġimgħa ġiet approvata. Kif titlesta l-Kappara, tibda ssir il-junction li l-Prim Ministru ddeskriviha ‘modernissima’ fl-inħawi tal-Addolorata. Hemm ukoll l-infrastruttura soċjali…bħalissa t-tfal kollha tar-raba’ sena għandhom it-tablet, li qed ikun finanzjat minn fondi Ewropej. Malta qed tkun ta’ sinjal lill-pajjiżi Ewropej dwar kif dan il-metodu ta’ teknoloġija jista’ jkun mifrux u demokratiku, ċioe disponibbli għall-kulħadd u mhux min jiflaħ iħallas għalih. Ir-riżultat ta’ dan il-programm, spjega Muscat, se narawh fil-ġenerazzjonijiet li jmiss.
Din il-ġimgħa se jkollna pajjiżna mexxeja Ewropej. “Jien se nkun kburi” temm jgħid il-Prim Ministru.