Jiddeċiedi x’jiddeċiedi l-poplu Ingliż, id-deċiżjoni dwar jekk ir-Renju Unit jibqax fl-Unjoni Ewropea trid tiġi rispettata u implimentata. Il-burdata jaf tinbidel minn mument għall-ieħor bejn l-Unjoni u r-Renju Unit: minn ftehim bejn il-ħbieb għal divorzju qares.
Osserva dan il-Prim Ministru Malti waqt intervista fuq l-istazzjoni Bloomberg.
Jiġri x’jiġri, qal Joseph Muscat, anke jekk ir-Renju Unit jivvota biex jibqa’ fir-referendum li se jsir nhar it-23 ta’ Ġunju, hemm bidliet li jridu jseħħu u ftehim li jrid jiġi implimentat.
Dan se jkun qed jitqies anke meta Malta jkollha l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew is-sena d-dieħla.
Il-ġurnalist staqsa x’jiġri jekk l-Ingilterra tagħżel li titlaq mill-Unjoni Ewropea, fid-dawl li għandha l-presidenza wara Malta. Il-Prim Ministru wieġeb li dan huwa biss dettall u hemm bżonn li jkun hemm diskussjoni wkoll dwar x’jiġri mir-Renju Unit jekk il-poplu jagħżel li joħroġ. S’issa ħafna mid-diskussjoni ffokat fuq x’jiġri mill-pajjiżi l-oħra Ewropej.