L-għaġir ta’ Marlene Farrugia u ta’ Simon Busuttil qed juri li huma l-iktar koppja instabbli fil-pajjiż.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista għamel osservazzjonijiet taħt it-tinda fil-Qawra, b’referenza għaż-żewġ kapijiet tal-koalizzjoni ta’ konfużjoni.
Dan wara li l-Awtorità tax-xandir kellha twaqqaf dibattitu minħabba l-għajjat u tgħajjir ta’ Marlene Farrugia fil-konfront tal-Ministru Helena Dalli fl-ewwel dibattitu politiku tul il-kampanja elettorali filwaqt li fl-iskandlu Skemi Pagi PN Simon Busuttil ħareġ jitkellem kontra n-nies wara li rċieva SMS.
Il-Prim Ministru qal li minkejja li llum nidħku u nitbissmu dwar għaġir bħal dan, jekk il-koalizzjoni ta’ konfużjoni jkollha t-tmexxija tal-pajjiż f’idejha l-affarijiet ikunu differenti.
Joseph Muscat saqsa jekk il-poplu jimmaġġinax lil “Joseph Muscat, Edward Scicluna u lil Louis Grech jagħmlu l-budget jew jimmaġġinax lil Marlene Farrugia u Simon Busuttil li ma jaqblu dwar xejn u lanqas ikunu jafu minn fejn jaqbdu jibdew.”
Dan jidher biċ-ċar fil-proposti ta’ konfożjuni li ħarġu, bil-Mexxej Laburista jispjega li kalkoli li marru żmerċ bil-miljuni fil-proposti mħabbra, fosthom dawk tal-pensjoni, forsi llum nitbissmu dwarhom iżda “għada pit għada jekk il-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern se jkun ħa żball bil-flus tal-poplu.”
Il-Prim Ministru tenna li għad-differenza tal-Partit Nazzjonalista, l-Partit Laburisa qed imur quddiem il-poplu mhux b’kaxxa vojta imma qed jitlob il-fiduċja fuq prinċipji ċari li fuqhom ħarġu l-proposti.
Fl-indirizz tiegħu qal li importanti li n-nies jifhmu li minn dawn il-proposti se jkunu qed igawdu n-nies iżda se jħallsu n-nies ukoll, kull min iħallas income tax, VAT u liċenzji u għalhekk huwa importanti li qabel l-elezzjoni l-poplu jkun jaf id-dettalji tal-proposti. Fil-fatt il-Partit Laburista, spjega Joseph Muscat, dejjem kien bilgħaqal bi flus il-poplu u għalhekk “qed nipproponu wegħdi li jistgħu jsiru, li nifilħuhom bħala pajjiż u se nwettquhom.
Fil-fatt il-Mexxej Laburista għamel referenza għal proposti li ħabbar illum għal persuni b’diżabilità li l-inqas wegħda tagħmel d-differenza fil-ħajja tan-nies. Dawn il-proposti l-Partit Laburista għandu kredibilità dwarhom għaliex fl-aħħar erbà snin wettaq dak li wiegħed.
Min-naħa l-oħra l-proposti li għamel Simon Busuttil diġà saru jew qed jitwettqu.
Il-Mexxej Laburista temm id-diskors tiegħu b’referenza għall-attakk u għall-gidba dwaru u dwar martu. Saħaq għal darb’oħra li jekk fl-investigazzjoni indipendenti jkun hemm l-inqas ħjil li hu jew martu għandhom xi ħaġa minn dak li ġie allegat, jirriżenja.
“Jien jekk ikunx ġurnata qabel l-elezzjoni, jkunx ġurnata wara l-elezzjoni jew nkunux fil-Gvern, nirriżenja.”
Il-Mexxej Laburista qal “li issa Simon Busuttil qed jgħid li mhux hu kien li għamel dan l-attakk fuq il-familja tiegħi, iżda nserraħlu moħħu li l-poplu kollu semgħu. Simon Busuttil kien jaf x’se jgħid, x’ħin se jgħidu u x’se jkun qed isir u kien lest biex jgħajjat protesta.”
Għalhekk, il-Mexxej Laburista sfida lil Simon Busuttil biex jekk dak kollu li allega joħroġ fil-beraħ li kien kollu gidba jkun hu li jitlaq.