Ili attiv fil-politika aktar minn 50 sena. Għal ħafna snin kont dejjem nisma’ lill-Partit Laburista bir-raġun jiftaħar bil-kisbiet ta’ Agatha Barbara fl-istorja politika ta’ pajjiżna meta hi kienet l-ewwel mara li ġiet eletta fil-Parlament, l-ewwel mara li okkupat kariga ministerjali, kif ukoll kienet l-ewwel mara li nħatret bħala President tar-Repubblika. Min-naħa l-ohra konna nisimgħu l-kritika fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista li lanqas biss rappreżentanza femmini fil-Parlament ma kien ikollu.
Maż-żmien, l-affarijiet bdew jinbidlu. In-nisa bdew isiru aktar attivi, mhux biss fil-Partit Laburista, imma anke fil-Partit Nazzjonalista li allura mhux biss bdew jeleġġu deputati nisa, imma n-nisa bdew anke jingħataw karigi ministerjali.
Minkejja, dan, regolarment konna qegħdin nisimgħu fuq il-ħtiega ta’ aktar nisa fil-ħajja pubblika, fil-ħajja politika. Regolarment konna qegħdin nisimghu r-raġunijiet li possibbilment kienu, u għadhom, iżommu lin-nisa milli jagħtu sehem akbar fil-qasam politiku. Imma fil-verità, konkretament sar ftit li xejn, biex ma nasalx ngħid li ma sar xejn. Ir-riżultat huwa li għandna nofs is-socjetà taghħna, li mhix adekwament rappreżentata fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiz. Sitwazzjoni li skont il-Prim Ministru Joseph Muscat mhix aċċettabbli.
Joseph Muscat mhux il-bniedem li jkun kuntent jikkummenta biss, jgħid li dik is-sitwazzjoni mhix aċċettabbli, imbagħad jibqa’ b’idejh fuq zaqqu, jistenna u/jew jittama li s-soluzzjonijiet se jaqgħu mis-sema. Joseph Muscat huwa bniedem ta’ azzjoni. Huwa bniedem determinat li jara li jitwettqu riformi li għal ħafna jkunu jidhru bħala riformi impossibbli. Prova ta’ dan kollu li qed ngħid, huma l-miżuri kollha li ttieħdu f’dawn l-aħħar erba’ snin dwar id-drittjiet ċivili.
U propju fil-bidu ta’ din il-leġislatura, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa l-ewwel passi konkreti f’ħafna u ħafna snin biex in-nisa verament jingħataw l-għajnuna biex huma wkoll ikunu jistgħu jieħdu sehem akbar u aktar dirett fil-qasam politiku, u wkoll biex il-pajjiz jibbenifika aktar mill-ħiliet ta’ nisa li jixtiequ jagħtu kontribut akbar, imma li ċ-ċirkostanzi ma jippermulhomx li jagħmlu dan.
Mhux il-ħsieb tieghi li nidħol fid-dettal dwar il-proġett LEAD u dwar dak li qal Joseph Muscat riċentement fil-Parlament u anke fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista. Ngħid biss li l-proġett għandu l-miri tiegħu, fosthom li sa għaxar snin oħra, in-numru ta’ kandidati nisa għall-elezzjoni ġenerali jkun 50% tal-kandidati kollha. Mira ambizzjuza. Iżda hija mira li tista’ tintlaħaq jekk ilkoll kemm aħna naħtfu din l-opportunità li qiegħed jagħtina l-Partit Laburista biex mill-kliem, ngħaddu għall-fatti.