B’reazzjoni għas-sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fuq il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal kif bil-flus ta’ dan il-programm, li qabżu l-biljun ewro, “il-familji u negozji f’pajjiżna baqgħu għaddejjin qisu ma hu xejn fi żmien il-pandemija. Miljuni oħra marru għall-housing, għaqdiet mhux governattivi, Knisja u saħansitra biex inxtraw ishma f’bank biex tissolva problema li kienet ilha tkarkar…”
Tenna li xorta jemmen “li hemm lok biex il-Programm ta’ Malta, li hu l-aqwa wieħed fid-dinja, jibqa’ għaddej b’xi bidliet. Dan speċjalment meta l-Istati Uniti ħabbru Programm simili.” Huwa nnota kemm ħadmu kontra nies bħal Robert Metsola u l-Partit Nazzjonalista li ilhom mill-ewwel minuta jaħdmu kontra pajjiżna.
Dr. Muscat żied li lil dawk li se joħorġu jippriedkaw fuq l-etika ngħidilhom nippreferi bil-kbir li nġibu investiment lejn pajjiżna permezz ta’ dan il-Programm milli nonfquhom kif iridu huma fuq armi tal-qerda.
“Ma naqtgħux qalbna u nibqgħu mexjin b’determinazzjoni biex inkunu nistgħu nġibu aktar ġid lejn pajjiżna” saħaq Joseph Muscat f’kitba fuq Facebook.
Fl-istess ħin Dr. Muscat tenna li mhux se jispekula x’ġara biex din kienet waħda mill-ftit drabi li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qalbet rasha ‘l isfel il-parir tal-Avukat Ġenerali tagħha stess li kien ta raġun sħiħ lil Malta fil-każ tal-Programm ta’ Ċittadinanza. U żied jgħid li “din kienet sentenza politika, fis-sens li l-Qorti Ewropea kienet taf illi l-Liġi ma ttihix raġun u għamlet raġunament lil hemm mill-liġi biex tieħdu.
L-ironija hija li r-raġuni ewlenija li nġabet hija t-trasparenza sħiħa tal-liġi li fuqha huwa bbażat il-Programm ta’ Ċittadinanza, li mhux kif jagħmlu pajjiżi oħra li ħadd ma jaf eżatt kif jaħdmu u jiddeċiedu lil min jagħtu ċittadinanza.”