L-istħarriġ tal-Maltatoday għax-xahar ta’ Frar ipoġġi lil Joseph Muscat f’livelli rekord. Dan hekk kif il-Prim Ministru huwa fdat mill-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin, b’54.8% jgħidu li hu l-iktar mexxejl li jafdaw.
B’hekk, b’mod konsistenti għal xahar wara ieħor, Muscat baqa’ quddiem il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia bil-kbir.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Delia huwa fdat biss minn 20.4% tal-Maltin. Li jfisser li lanqas il-maġġoranza tan-Nazzjonalisti ma jiddikjaraw fiduċja fih. Meta fl-aħħar xhur kien hemm titjib żgħir ħafna minn Delia, il-Partit Nazzjonalista kien ħareġ ikanta vittorja għax qal li jinsab fi triq it-tajba. Iżda, dan il-ftit reġa’ ntilef ukoll.
Il-Prim Ministru huwa fdat iktar fir-reġjuni kollha u fost l-etajiet kollha. F’Għawdex il-Prim Ministru Muscat qed jikseb appoġġ daqs kemm qed jikseb fin-Nofsinhar ta’ Malta, b’Adrian Delia jnaqqas kullimkien.
Fil-fatt, fl-analiżi tagħha dwar Delia l-maltatoday tgħid li jinsab ‘back to square one.’
Il-Partit Laburista wkoll jinsab f’pożizzjoni b’saħħitha ħafna tant li għandu vantaġġ ta’ 18% fuq il-Partit Nazzjonalista. Jirriżulta li l-Partit Laburista għadu jattira voti ġodda minn fost dawk li fl-2017 ivvotaw lill-Partit Nazzjonalista jew saħansitra ma vvotawx. Imqabbla ma’ Ġunju 2017, meta saret l-elezzjoni ġenerali l-appoġġ li qed jikseb illum il-Partit Laburista huwa saħansitra ikbar.
Partiti iżgħar bħal Partit Demokratiku u l-Alternattiva Demokratika qed jimmarkaw appoġġ li mhux sinfikanti.
Filwaqt li l-istħarriġ juri li l-Partit Laburista qed jikseb iktar appoġġ kemm fost in-nisa u fost l-irġiel fuq f’kull età.