Joseph Galea mistenni li jkompli jmexxi lit-tim ta’ Lija Athletics fl-ewwel diviżjoni minkejja li ġew relegati fi tmiem dan l-istaġun.
Galea, kien il-kowċ li wassal lit-tim żgħir ta’ Lija biex jiksbu l-promozzjoni għal Kampjonat Premier sena ilu u matul l-istaġun li għadda taw prestazzjonijiet tajba lil kull tim iżda xorta ma rnexxilhomx jżommu posthom fl-għola diviżjoni tal-futbol Malti.
Minkejja dan, il-kumitat ta’ Lija mmexxija mill-President Paul Fenech, għandhom fiduċja assoluta f’Galea u kien għalhekk li iddeċidew li jkomplu din l-avventura flimkien.