Joseph Bonnici, ta’ 41 sena, ġie kkundannat 36 sena ħabs wara li ammetta li qatel lil ommu Maria Lourdes u lil oħtu Angele Bonnici f’darhom f’Ħal Għaxaq.
L-omiċidju seħħ fis-26 ta’ Marzu tal-2019.
Bonnici ngħata din il-piena wara li ammetta l-ħtija għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu, mingħajr ma għadda ġuri.
Fost l-akkużi li tressqu fil-konfront ta’ Joseph Bonnici kien hemm dik ta’ qtil volontarju doppju, li spara arma tan-nar f’post abitat, li qered l-evidenza ta’ reat, u li ħeba l-katavri ta’ persuni maqtula, fost l-oħrajn.
Fis-seduti tal-Qorti ħareġ kif l-akkużat għamel bosta preparamenti għal dan l-omiċidju. Huwa bena l-arma tan-nar huwa stess biex ma jużax l-armi li kienu rreġistrati fuqu. Irriżulta wkoll li Bonnici kien ħaffer bil-lest il-ħofra biex jaħbi l-katavri fiha.
Ħareġ ukoll kif l-akkużat kellu kollox imħejji u stenna ġurnata meta t-tfajla tiegħu kienet se ddum barra.
Fil-Qorti rriżulta li Bonnici tajjar is-salvavita, imbagħad mar taparsi jitlob l-għajnuna ta’ oħtu Angele. Din marret miegħu fil-garaxx, fejn kien diġà ħejja l-boroż u l-karti biex inaddaf mal-ewwel.
Meta kien warajha fid-dlam, huwa sparalha bl-arma li kien bena u taha daqqa b’mazza.
Wara mar għal ommu, u qalilha li kellhom bżonn l-għajnuna. Kif ommu waslet fil-garaxx, għamel l-istess lilha billi sparalha f’rasha u taha daqqa ta’ mazza.
Wara li qatilhom, Bonnici għattielhom wiċċhom b’boroż tal-plastik u għalaqhom biz-zip ties madwar għonqhom biex ma jqattarx id-demm.
Daħħal il-katavri fil-karozza u saq bihom lejn l-għalqa li fiha kien ħaffer il-ħofra.
Irriżulta li Joseph Bonnici ħaraq l-oġġetti li uża fil-qtil fir-residenza tiegħu stess, waqt li l-mazza rmiha f’ċentru għall-iskart goff. L-arma tan-nar ħbiha fl-għalqa fejn difen lil ommu u oħtu.
Fil-Qorti ntqal ukoll li, l-għada tad-delitt, ħasel il-garaxx b’powerwash u tefa’ wkoll xi pitrolju mal-art biex ineħħi r-riħa tad-demm.
Imbagħad, Joseph Bonnici mar l-għassa jirrapporta lil ommu u lil oħtu neqsin u, erbat ijiem wara, instabu fl-għalqa.
Huwa ġie arrestat u ammetta l-ħtija għal dan id-delitt doppju.
Il-Qorti, immexxija mill-Imħallef Aaron Bugeja, mhux biss ikkundannatu 36 sena ħabs, iżda ordnatlu wkoll li jħallas kważi €19,000 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti.