Tħabbar li l-Imħallef Joseph Azzopardi se jinħatar bħala il-Prim Imħallef il-ġdid.
Dan ingħad permezz ta’ stqarrija tal-Gvern fejn ingħad li l-Gvern żamm lill-Oppożizzjoni kontinwament aġġornata.
L-Imħallef Azzopardi se jieħu post Silvio Camilleri li se jirtira mill-ogħla kariga fl-istituzzjoni tal-Qorti fil-25 tax-xahar hekk kif jagħlaq il-ħamsa u sittin sena.
Ta’ tlieta u sittin sena, Joseph Azzopardi se jkun il-wieħed u għoxrin Prim Imħallef ta’ Malta.
L-imħallef Azzopardi beda jeżerċita l-professjoni ta’ avukat f’Jannar tal-1980 u beda jservi fuq il-bank tal-ġudikaturi f’Mejju tal-2003. Huwa serva f’diversi qrati fosthom fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u l-Qorti tal-Familja.
L-imħallef Azzopardi ilu mill-2010 membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja b’għażla tal-Imħallfin stess.
Il-Prim Imħallef il-ġdid se jinħatar fis-26 ta’ April li ġej.
B’reazzjoni l-Prim Ministru qal li jinsab ċert li l-Imħallef Azzopardi għandu l-kredenzjali ġusti biex ikun prim imħallef eċċellenti.