Triq is-Swieqi, fis-Swieqi, għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu. Il-ħemda tal-lejl inkisret ħesrem minn aċċident traġiku, li ħasad il-ħajja ta’ Joseph Attard ta’ 56 sena, minn Ħaż-Żebbuġ, wara li, għal xi raġuni, tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu u baqa’ dieħel fil-faċċata ta’ numru ta’ residenzi.
Fuq il-post issejħet minnufih ambulanza, flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u anke l-Pulizija. Minkejja kull sforz, Attard tilef ħajtu ftit tal-mumenti wara fl-Isptar Mater Dei.
Fi ftit ħin minn mewtu, diversi persuni rħewlha għall-midja soċjali biex jagħtu l-kondoljanzi tagħhom. Ħafna jiddeskrivuh bħala ġentlom u b’qalb tad-deheb, inkluż min-neputija tiegħu Gillian Attard.
Attard iddeskriviet lil zijuha bħala bniedem li dejjem kien ta’ sapport u gwida għaliha, tant li wkoll qalet li kienet tqisu bħala ħabib.
Minbarra hekk, bintu Mikela wkoll ħalliet il-messaġġ tagħha, fejn iddeskriviet lil missierha bħala bniedem b’“karattru vibranti u raġġ ta’ dawl, li mhuwiex se jintefa’.”