L-analiżi politika teħtieġ għejun li jvarjaw daqs il-firxi kumplessa tar-realtà, minn statistiċi bierda sal-wikileaks, minn pubblikazzjonijiet uffiċjali sa xhud ħajjin, minn rappurtaġġ grafiku sa studji ta’ riċerka. Dan il-ktieb ġdid, ippubblikat mill-SKS, hu maħsub li jagħti sehem fl-evalwazzjoni intelliġenti tat-tmexxija ta’ Joseph Muscat fit-tmexxija tal-Partit Laburista u tal-gvern Malti.
Il-ktieb qed jiġi maħruġ biex ifakkar l-10 anniversarju mill-elezzjoni ta’ Muscat bħala Mexxej tal-Partit Laburista fis-6 ta’ Ġunju tal-2008, li minnhom għamel dawn l-aħħar ħames snin, sa mid-9 ta’ Marzu tal-2013, bħala Prim Ministru.
Il-pubblikazjoni mhijiex sempliċiment kommemorattiva. Minbarra l-għadd kbir ta’ ritratti, li wieħed jistenna, il-partijiet ewlenin tal-ktieb huma l-kontribuzzjonijiet li fih, kif ukoll l-intervisti esklussivi ma’ Joseph Muscat u martu.
Il-kontributuri huma l-analisti filosofiċi Michael Grech u l-Prof. John Baldacchino, l-attivisti Gabi Calleja u Dr Deborah Schembri, il-ġurnalisti Kurt Farrugia u Nigel Vella, l-ekonomista Alfred Mifsud, u l-politiċi mħarrġa Evarist Bartolo, Maria Camilleri u Dr Joe Micallef Stafrace.
L-intervisti inediti tħallew fl-istat oriġinali tagħhom. Joseph Muscat jgħaddi mill-għarbiel tal-Prof. Andrew Azzopardi, u Michelle Muscat tiġi mistħarrġa minn Claire Xuereb Grech. L-intervisti jinkludu mistoqsijiet dwar l-għażla tal-President tar-Repubblika, Egrant, il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u ħafna aktar.
Il-ktieb, Joseph: 10 snin mexxej, għandu daħla ta’ Randolph De Battista. Il-ktieb jinbigħ €15 u se joħroġ għall-pubbliku fit-28 ta’ Mejju.