ONE Productions Ltd tħabbar il-ħatra tas-Sur Josef Caruana bħala Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-istazzjonijiet ONE. Josef Caruana jġib miegħu esperjenza vasta fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, inkluż fuq l-istazzjonijiet ONE.
Għal kważi 25 sena, mill-1993 ’il quddiem, huwa ħadem fil-Union Print fejn kien anke responsabbli bħala Editur tal-gazzetta l-Orizzont. Bejn l-2010 u l-2017, serva wkoll għal sentejn minnhom, bħala Aġent Editur tal-gazzetta ta’ kull nhar ta’ Ħadd, it-Torċa.
Mill-2017 ’il hawn, ħadem bħala persuna ta’ fiduċja fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, taħt it-tmexxija ta’ Dr Joseph Muscat u Dr Robert Abela.
Minbarra li fl-2019 ikkontesta l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, tella’ diversi programmi ta’ diskussjoni u analiżi fuq ONE Radio.
ONE Productions Ltd irringrazzjat lis-Sur Alessandro Mangion li temm il-ħidma tiegħu bħala Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-istazzjonijiet ONE, filwaqt li tawguralu għall-impenn il-ġdid tiegħu fi ħdan il-Partit Laburista.