… ippreżentata rċevuta ffalsifikata mal-provi f’tentattiv biex rapporti fil-midja jidhru malafamanti
Il-Qorti tal-Maġistrati dalgħodu illiberat lill-eks-Editur ta’ L-ORIZZONT u IT-TORĊA Josef Caruana minn akkużi varji ta’ malafama li nġiebu kontrih mill-kandidat Nazzjonalista Ryan Mercieca.
Il-proċeduri ġudizzjarji kienu instigati minn serje ta’ artikli fil-gazzetti msemmija li indikaw abbużi serji mill-istess Mercieca fl-amministrar ta’ fondi Ewropej u finanzi oħrajn bħala uffiċjal f’żewġ għaqdiet mhux governattivi (NGOs) Għawdxin.Mercieca kkontesta l-aħħar Elezzjoni Ġenerali fuq it-Tlettax-il Distrett f’isem il-Partit Nazzjonalista u kien fost l-ewwel kandidati approvati mit-tmexxija ta’ Dr Simon Busuttil, tant li kien meqjus ukoll bħala “kandidat stilla”. F’din il-kawża legali Mercieca kien qed jitlob lill-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Dr Francesco Depasquale, li ssib lil Caruana ħati u timmultah sa mhux iżjed minn €11,464.87.
Minkejja dan, il-Qorti qieset li erba’ artikli bit-titli “Stilla tal-PN f’taħwida dwar fondi tal-UE”, “Jirnexxielu jogħsfor anke karità”, “Ryan Mercieca kien jitlob personalment il-flus lill-għaqdiet” u anke “Taħwid taħt investigazzjoni”, li Caruana kien responsabbli minnhom, bl-ebda mod ma kienu malafamanti fil-konfront ta’ Mercieca.
Jirriżulta mis-sentenza stess li, fil-fażi tal-provi, Mercieca kien ippreżenta kopja ta’ rċevuta tal-Malta Community Chest Fund (MCCF) bit-tama li jsaħħaħ l-argumenti tiegħu kontra r-rapportaġġi fil-gazzetti. Minkejja dan, irriżulta li tali rċevuta kellha d-data tagħha mbagħbsa u ġiet mibdula mill-1 ta’ Frar 2016 għal 11 ta’ Jannar 2016, fit-tentattiv biex joħroġ li somma destinata għall-karità kienet fil-fatt għaddiet lill-MCCF qabel ma ġie allegat il-kontra f’wieħed mill-artikli msemmija.
Għalkemm fih innifsu dan hu meqjus bħala reat serju ħafna, aktar u aktar meta dokument imbagħbas jitressaq bħala prova taħt ġurament, ma jidhirx li l-Qorti ħadet xi passi ulterjuri, inkluż bil-Pulizija, f’dan ir-rigward.
“Il-Qorti ma tistax ma tosservax li r-rikorrent (Mercieca) ppreżenta dokument imbagħbas u minnu nnifsu jiżvijja kemm lill-Qorti kif ukoll lil kull min jarah biex jagħti l-impressjoni li l-flejjes (lill-MCCF) kienu ngħaddew qabel ma ġie allegat mill-artikolist li ma kinux ingħaddew,” tenniet il-Qorti.
B’rabta mat-tbażwir fl-immaniġġjar ta’ fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea, il-Qorti stqarret li, kif joħroġ mix-xhieda tat-Teżorier tal-Assoċjazzjoni tal-NGOs Għawdxin Joseph Camilleri, xhud li tressaq minn Caruana, Mercieca ma kienx għadu għadda dokumentazzjoni u rċevuti kruċjali marbutin ma’ proġetti li għalihom inġiebu fondi sostanzjali, waqt li dikjarazzjoni ta’ awditur imqabbad mill-istess Mercieca fejn jingħad li “l-flejjes tal-proġetti kienu kollox kif suppost” ma twemmnitx mill-Qorti.
Għaldaqstant, wara li rat dawn il-provi u oħrajn li ġew prodotti quddiemha, il-Qorti ddeċidiet li tiċħad it-talbiet kollha ta’ Mercieca u tillibera lill-eks-Editur minn kull tip ta’ akkuża.