Il-leġġenda tal-futbol Brażiljan Jose Altafini se jkun f’pajjiżna għada biex jinawgura wirja dwar l-attakkant leġġendarju Brażiljan, Pelé.
Din il-wirja bl-isem ta’ “Pelé: Forever O Rei” se tittella’ minn Kenneth Formosa u Dr Persio Luis Nicoletti, bejn għada t-2 ta’ Marzu u l-24 ta’ April li ġej.
Din l-esebizzjoni se tiftaħ għada, is-Sibt 2 ta’ Marzu fil-Postal Museum fil-Belt Valletta, fejn waqt l-inawgurazzjoni, il-leġġenda Brażiljan mistenni jaqsam uħud mill-esperjenzi u stejjer li kellu ma’ Pelé, li lagħab miegħu mat-tim nazzjonali Brażiljan.
L-esebizzjoni se tfakkar il-karriera u l-ħajja ta’ Pelé permezz ta’ artikli li se jkunu qed jiġu esebiti għall-ewwel darba.
Jose Altafini hu wieħed mill-aqwa plejers tal-futbol fis-snin 60 u 70 u fost l-oħrajn rebaħ it-Tazza tad-Dinja tal-1958 flimkien ma’ Pelé. Hu wkoll kellu suċċessi fil-futbol Ewropew, partikolarment mat-tim ta’ Milan fejn biż-żewġ gowls tiegħu, it-tim rebaħ it-Tazza Ewropea kontra Benfica.
Fl-Italja, Altafini lagħab ukoll ma’ Napoli u Juventus fejn rebaħ erba’ darbiet il-kampjonat.
Il-pubbliku għandu l-opportunità li jiltaqa’ ma Jose Altafini fis-Suq tal-Belt għada mill-10 ta’ filgħodu ’l quddiem fejn minbarra li se jkun qed jirrakkonta stejjer dwaru u dwar Pelé, dawk preżenti se jkunu wkoll jistgħu jieħdu ritratti miegħu.