Jordan Azzopardi li ġie arrestat il-Ġimgħa wara ġirja bil-karozzi fil-Madliena, tressaq il-Qorti illum għall-ħabta tal-ħdax.
Il-Qorti hija ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech.
Huwa kien arrestat wara li l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienu qed isegwuh f’żona fil-Madliena u ċċirkondawh għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar.
Sorsi ta’ ONE News ikkonfermaw dan il-każ u qalu li saret qabda ta’ droga.
Azzopardi kien qed isuq karozza tat-tip BMW fil-ħin li seħħ il-każ.
Fi stqarrija tal-Pulizija, ingħad li kif ir-raġel induna bil-preżenza tal-Pulizija, huwa beda jsuq b’manjiera perikoluża u b’veloċità qawwija biex jaħrab, tant li laqat xi karozzi.
Fi ftit il-ħin, il-Pulizija ċċirkondawh, arrestawh, u wara tfittxija li saret, instab fil-pussess ta’ sustanza suspettata kokaina.