Kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Jordan Azzopardi, magħruf aħjar bħala l-El Chapo ta’ Malta, li jinsab arrestat b’rabta ma’ traffikar u pussess ta’ droga.
Jordan Azzopardi sostna li, dakinhar li pprova jaħrab mill-Pulizija wara ġirja bil-karozzi fil-Madliena, huwa ma ndunax li l-karozzi kienu tal-pulizija u ħarab għax beda jibża’ min-nies li kienu hedduh fil-passat.
Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras xehdu żewġ spetturi tal-Pulizija. L-Ispettur Alfredo Mangion xehed li, fit-22 ta’ Lulju, il-Pulizija rċeviet informazzjoni li l-imputat kien qed jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu.
Huwa kompla jgħid li Azzopardi ntlemaħ in-Naxxar isuq vettura.
L-ispettur kompla jgħid li l-pulizija segwew il-vettura suspettata u sussegwentement osservaw lil Azzopardi jitfa’ xi ħaġa ’l barra mit-tieqa tan-naħa tax-xufier.
Wara li l-Pulizija rnexxielhom iwaqqfu l-vettura ta’ Azzopardi f’Ħal Għargħur, l-uffiċjali ġabru borża li kien fiha 130g sustanza bajda, suspettata li hija kokaina.
Xehed ukoll kuntistabbli tal-pulizija li kien ipparteċipa fl-aħħar arrest ta’ Azzopardi, li ta rendikont simili għal dak tal-ispettur.