Ir-restawr tal-kunvent Santu Wistin wasal fl-aħħar fażi tiegħu. Dan sabiex b’investiment ta’ €2.3 miljun dan il-kunvent fil-Belt Valletta jinbidel f’Ċentru soċjali u komunitarju biex jintuża mill-komunità u mit-turisti.
Fost ix-xogħlijiet li qed isiru hemm ir-restawr u l-konservazzjoni tal-erba’ faċċati tal-kunvent, it-tħaffir ta’ parti mill-bitħa u l-installazzjoni ta’ lift li jkun aċċessibbli għal kulħadd.
Waqt żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega li dan il-proġett qed jitmexxa mill-Fondazzjoni Soċjokulturali Ambjentali Agustinjana, l-FSKAA u qed isir b’investiment ta’ madwar €1.5 miljun mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali.
Huwa qal, “Il-proġett ta’ restawr u ta’ ċentru ta’ interpretazzjoni hawnhekk fil-knisja u kif ukoll fil-kunvent ta’ Santu Wistin fil-Belt huwa parti minn proġett ta’ riġenerazzjoni fil-Belt Valletta.”
Id-Direttur tal-Fondazzjoni Malcolm Borg spjega kif il-proġett wasal fit-tielet u l-aħħar fażi tiegħu hekk kif issa ser jitlesta x-xogħol fuq il-faċċati u xogħol intern ieħor bħal dak fl-imħażen, il-kunvent u l-kjostru.
Il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin Fr. Alexander Cauchi spjega kif ċertu restawr li qed isir qed jirranġa ħsara li saret fi żmien il-gwerra u li kienet tranġat biss b’mod temporanju: “Grazzi għal dawn il-fondi ewropej aħna stajna naslu biex il-pubbliku nagħtuh ċans jesperjenza mill-bieb tal-kunvent il-ġewwa. Kemm mill-aspett ta’ storja, kemm mill-aspett arkeoloġiku imma anke mill-aspett ta’ ħajja tagħna l-patrijiet jiġifieri li hemmhekk qed jaraw anke partijiet mill-postijiet li aħna nużaw fil-ħajja ta’ kuljum.”