Issokta l-ġuri tal-Galalli, fejn fis-seduta tal-Ġimgħa filgħodu saret ir-replika tal-prosekuzzjoni, u b’hekk dan ifisser li issa wasal fi tmiemu.
Hawnhekk l-Avukat Kevin Valletta li qed imexxi l-prosekuzzjoni, indirizza lill-ġurati għall-aħħar darba.
Fl-awla, Dr. Valletta wera filmat lill-ġurati meħud mill-kameras tas-sigurtà barra r-residenza tal-familja Grech f’Tal-Pietà. F’dan il-filmat dehert anke omm l-akkużat Kurt Grech li tiġi l-mara ta’ Joseph Grech, ħierġa b’sikkina f’idejha mill-karozza wara li ħarbu minn fuq il-post tax-xena tad-delitt fil-Ħamrun.
B’din l-aħħar prova, ġie kkonfermat li apparti ż-żewġ skieken, permezz tal-filmat instabet it-tielet waħda.
Fis-seduta ta’ wara nofsinhar saret il-kontro replika tal-Avukati difensuri.
Għada mistenni l-indirizz tal-Imħallef lil ġurati qabel imorru jiddeliberaw u jagħtu l-verdett tagħhom.
Il-parte civile qed titmexxa mill-Avukati Ishmael Psaila u Rachel Tua, filwaqt li d-difiża hija mmexxija minn Edward Gatt, Roberto Montaldo u Kathleen Grima.