Fis-sittax-il ġimgħa ta’tqala, Margaret Boemer marret tagħmel ultrasound l-isptar, tat-tielet wild tagħha. Iżda kellha tkun aħbar ħażina li ebda omm ma tkun trid tisma’, hekk kif it-tobba sabu tumur li kien qed jikber f’parti tad-dahar tat-tarbija.
Kull siegħa, kull ġurnata d-diffikultajiet żdiedu u s-saħħa tat-tarbija bdiet sejra lura, dan għaliex id-demm li bih kienet qed tgħix it-tarbija beda jittieħed mit-tumur. Lil din l-omm it-tobba qalula biex twaqqaf it-tqala. Iżda tobba minn sptar f’Texas issuġġerew li ssir operazzjoni fuq il-fetu. L-omm li diġa’ kienet tħobb it-tarbija li kienet qed tgħix f’ġufha, iddeċidiet li fit-tlieta u għoxrin ġimgħa ta’ tqala, tagħmel din l-operazzjoni b’emerġenza.
It-tobba fetħu l-ġuf tal-omm biex ikunu jistgħu jneħħu t-tumur, li kien akbar mit-tarbija, u wara ħames sigħat ta’ operazzjoni rnexxilhom. Tnax-il ġimgħa wara din l-omm bkiet bikja ta’ ferħ hekk kif it-tarbija twieldet b’saħħitha.