Fl-aħħar xhur diversi sajjieda nnutaw tnaqqis notevoli fir-rizzi tal-ikel fl-ibħra Maltin.
Dan in-nuqqas qed jaffetwa fost oħrajn il-prezzijiet tar-rizzi u l- platti fir-restoranti.
Fl-aħħar erbgħin sena, din hija t-tieni darba li ġie nnutat dan it-tnaqqis, wara li fit-tmeninijiet dawn kważi kienu għosfru għalkollox, minħabba pandemija li kienet laqtet il-baħar Mediterran.
Minkejja li pandemija mhux qed tiġi eskluża – l-Professur Alan Deidun jgħid kif jista’ jkun hemm raġunijiet oħra għaliex ġie nnutat dan in-nuqqas.
Deidun qal li “dak li qed naraw issa jista’ jkun li qed jiġri bħal ma’ seħħ fit-tmenijiet. Jista’ jkun li li qed isir konsum żejjed”
Minkejja dan, ir-rizzi huma indikatur ukoll ta’ ilma ta’ kwalita’ għolja u tajba, bil-Professur jemmen li dan mhux il-kaġun tat-tnaqqis fil-popolazzjoni tagħhom.Il-Professur Deidun jgħid li minkejja li hemm għaxar tipi ta’ rizzi fl-ibħra Maltin – hija dik tal-ikel imsejħa ‘Edible Sea Urchin’ li fuqha qed tixgħel il-bozza ħamra.
Huwa jgħid kif il-qbid ta’ din it-tip ta’ rizza f’pajjiżna għadu mhux regolarizzat, kuntrarju għal dak li bdew jagħmlu pajjizi qrib tagħna.
Spjega li “Kemm jista’ jkun l-ammont ta’ rizzi li taqbad ikun għal konsum tiegħek u mhux kummerċ imma jkollok liċenzja li pereżempju ttella’ ħamsin kuljum bħal Sqallija u Sardenia”
L-espert tal-ibħra sostna kif fl-aħħar xhur ukoll naqas drastikament il-bebbuxu magħruf bħala n-Nakra u li huwa endemiku għall-baħar Mediterran.
Filwaqt li Spanja ġiet irrapurtata marda li qed toqtol lin-Nakra, f’pajjiżna għadha mhux daqshekk ċara.
Deidun qal li “Dawn naqsu ħafna fl-ibħra tagħna u lanqas għadek issib il-qxur tagħhom. Qabel ġieli kont tara l-qxur imkisser ta’ dan għax tkun kisritu xi ankra iżda lanqas dik ma għadek issib.”
Deidun jisħaq li dwar dan iż-żewġ speċi għandu jsir studju sew u profond sabiex ilkoll jiġu salvati.