Naqsu n-nies fil-faqar. Dan kemm meta l-2015 kienet imqabbla mas-sena 2014, kif ukoll mal-2012, l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista.
Kienet l-aġenzija tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, li kkonfermat dan it-tagħrif fi statistika li wriet kif fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hemm 41 miljun persuna li huma mċaħħda sew minn affarijiet materjali.
Is-sena li għaddiet f’pajjiżna kienu 8.1% il-persuni f’din is-sitwazzjoni. Dan meta fl-2014 kienu 10.2%, u l-2012 kienu 9.2%.
Iċ-ċaħda materjali li ssir referenza għaliha fl-istatistika hija meta persuna ikollha l-kundizzjonijiet tal-ħajja limitati minħabba nuqqas ta’ riżorsi, għalhekk faqar.
Biex persuna taqa’ f’din il-kategorija trid tkun imċaħħda f’minn tal-inqas erbgħa minn disgħa affarijiet li huma kkunsidrati meħtieġa għal ħajja adekwata. Xi ħaġa li toloqt l-iktar lill-familji b’ġenitur wieħed.
Fuq Twitter ikkummenta l-Prim Ministru Joseph Muscat li nnota kif il-miżuri tal-gvern qed iħallu l-frott. Fil-fatt, fost il-miżuri maħsuba biex jindirizzaw il-faqar kien hemm l-in work benefit, it-traħħis fil-kontijiet tal-enerġija u l-għotja lill-familji bi dħul baxx sakemm jibagħtu l-uliedhom l-iskola.