Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, inħarġu 453 permess għall-bini għal total ta’ 2,118-il residenza ġdida. Dan fisser tnaqqis ta’ 8.3 fil-mija fil-permessi u 13.7 fil-mija fir-residenzi approvati meta jitqabbel mal-istess xhur sena ilu.
Skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, l-aktar residenzi approvati fit-tieni kwart ta’ din is-sena kienu fil-forom ta’ appartamenti, b’1,491, li jagħmlu aktar minn sebgħin fil-mija tar-residenzi ġodda approvati.
Warajhom, ġew il-penthouses bi 333, il-maisonettes b’205 u disgħa u tmenin terraced houses u residenzi oħrajn.
San Pawl il-Baħar kellu l-ogħla ammont ta’ residenzi ġodda approvati b’rata ta’ 130, filwaqt li l-inqas numru approvat kien irreġistrat fil-Marsa, b’żewġ residenzi ġodda biss.