Fl-aħħar erba’ snin kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-għadd ta’ studenti fl-iskejjel sekondarji li regolarment m’attendewx għall-iskola.
Ċifri li kiseb one news juru li l-attendenza fi skejjel sekondarji laħqet l-erba u tmenin fil-mija meta’ mqabbla mad-79% fis-sena skolastika 2013-2014. Dan bis-saħħa ta’ bosta miżuri li indirizzaw l-assenteiżmu fost l-istudenti Maltin.
Id-Direttur tas-Servizz Nazzjonali ta’ Apppoġġ fl-Iskola Sandra Cortis saħqet kif l-istatistika titqabbel tajjeb ma’ pajjiżi oħrajn fejn jidhru tendenzi ċari li iktar studenti jibdew ifallu l-iskola fis-sekondarja:
“Għamilna programm alternattiv li llum il-ġurnata baqa’ għaddej, nafu kemm studenti ma ntilfux b’dan il-programm tul dawn is-snin. Anzi llum il-ġurnata hemm ukoll, l-aħħar sentejn għamilna 16+ jiġifieri l-istudenti setgħu jibqgħu għaddejjin b’dan il-programm biex kemm jista’ jkun huma jiġu ingaġġjati fis-sistema edukattiva”.
Programmi oħra ta’ dan it-tip kienu l-Prince’s Trust u l-Achieve li wkoll kienu mmirati biex ikabbru l-interess tat-tfal fl-edukazzjoni. Dan filwaqt li s-sistema edukattiva issa se tgħin lit-tfal jagħżlu rotta edukattiva skont l-interessi tagħhom bis-sistema My Journey.
ONE News tkellem mal-ħaddiema soċjali Prinċipali, Marija Zahra li qaltilna kif il-ħaddiema soċjali u tal-appoġġ soċjali jkunu l-ewwel li jintebħu meta student ifalli bla awtorizzazzjoni.
Dan b’aċċess tas-sistema tal-attendenza li tittieħed fil-klassi:
“Mela aħna imbagħad nibdew il-kuntatt mal-ġenituri, mad-djar, fejn ħafna drabi jekk ma naqbduhomx ovvjament bit-telephone, aħna mmorru vista fid-dar. Inmorru dik li aħna nsejħulha surprise home visit fejn aħna nmorru, niltaqgħu mal-familja u flimkien mal-familja nippruvaw naraw daqxejn xinhuma d-diffikultajiet li qed iżommu milli t-tfal jattendu. Imbgħad noffru l-għajnuna tagħna fejn tidħol dik id-diffikultà”.
Hija saħqet li minn hawn jibda proċess biex tiġi identifikata r-raġuni għax it-tfal ma jmorrux l-iskola
“Ikun hemm ħafna komunikazzjoni mal-iskola. Ikollna tfal li jibdew ftit ftit jiiġu l-iskola. Meta tibda b’ġurnata, b’jumejn, nofstanhar. Jista’ jkun ikollna tfal ma jattendux għal-lessons kollha għal ċertu żmien imma jibdew jattendu għal ċertu suġġetti li forsi iktar tiġbidhom bihom lejn l-iskola. Imma mbagħad ovvjament l-għan ewlieni hu li t-tfal jirritoranw lura”.