Fit-tielet kwart tas-sena, naqsu l-inċidenti tat-traffiku fit-toroq Maltin b’6.4%. Dan ifisser li bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena saru ftit aktar minn 3,500 inċident tat-traffiku, bi tlieta minnhom kienu fatali.
L-istatistika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li minbarra li ġie irreġistrat tnaqqis fl-inċidenti tat-traffiku, kien hemm ukoll tnaqqis fin-numru ta’ persuni feruti kawża ta’ dan. It-tnaqqis irreġistrat kien ta’ 7.8% hekk kif kien hemm b’kollox 463 persuna li ndarbu kawża tal-inċidenti fit-toroq Maltin, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Il-persuni li ndarbu gravu kienu jikkonsistu f’51 sewwieq, 16-il passiġġiera, 14-il persuna li jimxu fit-triq u ċiklist wieħed.
Il-ġrieħi li ġarrbu sewwieq, passiġġier u persuna tat-triq kienu fatali. Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, t-total ta’ fatalitajiet kawża ta’ inċidenti tat-traffiku ammontaw għal 16, kważi l-istess meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Il-persuni midruba gravi laħqu t-82 persuna, bil-maġġoranza tagħhom kienu rġiel. L-istatistika tgħid li mill-fatalitajiet, tnejn kienu rġiel u waħda kienet mara. Dan filwaqt li l-maġġoranza tal-persuni midruba kellhom bejn is-sitta u għoxrin u l-erbgħin sena.
L-akbar numru ta’ persuni midruba f’inċidenti tat-traffiku kienu f’karozza tal-passiġġieri u dawn ammontaw għal 58.5% tal-inċidenti. Isegwu warajhom kien hemm il-muturi bi 32%.
Il-jum tal-Ġimgħa kien il-jum li fih seħħet l-ogħla rata ta’ persuni midruba kawża ta’ inċidenti tat-traffiku filwaqt li l-Erbgħa kienet il-ġurnata li fiha seħħew l-ogħla numru ta’ inċidenti tat-traffiku.
L-inċidenti seħħew l-aktar bejn 12:00 u t-15:00, filwaqt li l-inqas li seħħew kien bejn 00:00 u t-03:00.
Intant, Birkirkara kienet l-aktar lokalità li fiha seħħew inċidenti tat-traffiku u ammontaw għal 328 każ. Warajha segwew San Pawl il-Baħar u Ħal Qormi.