Ċifri ppublikati mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-ewwel tlett xhur tas-sena naqsu l-fatalitajiet fit-toroq ta’ Malta meta mqabbel mal-istess xhur tas-sena 2018. Bejn Jannar u Marzu t-toroq ta’ Malta ħallew vittma waħda li kienet passiġiera f’karozza.
In-numru ta’ inċidenti tat-traffiku rrappurtati fl-ewwel tlett xhur tas-sena laħqu it-3,656 inċident, li jfisser żieda ta’ 8.4 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2018. L-akbar ammont ta’ dawn l-inċidenti seħħew fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, b’1,375 inċident.
Imqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet, il-persuni midruba f’dan il-perjodu naqsu b’tlieta fil-mija. Iċ-ċifri juru li f’dan il-perjodu 30 xufier, sitt passiġieri u 23 persuna fit-triq weġġgħu gravi. Kważi sittin fil-mija tal-vittma kienu rġiel.
L-akbar ammont ta’ vittmi ndarbu f’ħabtiet bil-karozzi, segwiti mill-muturi u vannijiet kummerċjali. Min-naħa l-oħra erba’ ċiklisti ndarbu ħafif. Disgħa u sittin fil-mija ndarbu f’ħabtiet bejn żewġ karozzi.
Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li l-aktar jum li fih seħħew inċidenti kienet il-Ġimgħa, b’total ta’ 600 inċident li fil-biċċa l-kbira tagħhom seħħu bejn id-disgħa ta’ filgħodu u nofshinar, b’total ta’ 821 każ.
L-aktar raħal li seħħew inċidenti fih kien Birkirkara, b’total ta’ 320 każ u jsegwu Ħal Qormi u l-Mosta.