Bejn l-2010 u l-2020 il-fatalijiet fit-toroq f’pajjiżi Ewropej naqsu b’36%, u statistika riċenti tal-EUROSTAT uriet ukoll li, b’medja ta’ 42 mewta għal kull miljun ċittadin, it-toroq fl-Istati Membri Ewropej huma fost l-aktar siguri fid-dinja. L-istess statistika żżid li l-akbar tnaqqis f’dan ir-rigward seta’ jiġi nnotat fi 18-il Stat Membru Ewropew, inkluż Malta.
Dwar dan, ONE News tkellem maċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, Pierre Vella, li spjegalna kif fuq livell Ewropew bħalissa għaddej proċess biex ikun hemm simetrija aħjar fil-mod kif tinġabar l-informazzjoni. Dan għaliex ix-xenarju jaf jinbidel minn pajjiż għall-ieħor.
Huwa qalilna, “Imma bħalissa għaddej dan l-eżerċizzju u Malta hija parteċipi fih, fejn il-figuri qed ikunu aktar realisitiċi u nistgħu nitgħallmu minnhom. Billi nħarsu biss lejn in-numri ma tasal imkien, imma l-importanti li tanalizzahom u tara kif tista’ ttejjeb il-pożizzjoni tiegħek.”
Hawnhekk tkellimna wkoll dwar fattur kruċjali fit-triq: ir-responsabbiltà tas-sewwieqa.
Vella stqarr magħna: “Jekk jien għaddejt mit-test tas-sewqan, u qgħadt attent li nimxi mar-regolamenti u li jkolli liċenzja u nagħmel kollox tajjeb. Wara nsejt kollox? U dik hija xi ħaġa li nemmen li rridu nindirizzaw. Imma dak mhux kollox. Jiddependi ħafna fuq kif jien qed inġib ruħi fit-triq.”
Meta tkellimna dwar l-akbar perikli fit-toroq, Vella wieġeb hekk: “Il-mobile huwa fattur inkredibbli, qisna ma nistgħux ngħixu. Kultant ngħid li n-nies qed isuqu reqdin għaliex isuqu rashom ‘l isfel biex jibagħtu. Ma rridux ninsew ukoll ix-xorb, għalkemm il-mentalità nbidlet. Ma rridux ninsew id-drogi u wkoll mediċina, li jekk jiena nieħu tip ta’ mediċina kif din se taffettwa. Persuna miexja fit-triq ukoll ikollha d-dmirijiet tiegħu.”
Magħna Vella enfasizza wkoll li l-emmissjonijiet ukoll huma detriment għal saħħet il-bniedem, u kien għalhekk li tnedew skemi mill-Gvern li jagħtu fost oħrajn għajnuna lil min jinvesti f’karozzi elettriċi.
Qalilna li anqas emmissjonijiet fit-toroq ifissru ambjent aktar sigur għas-sewqan: “Aktar ma jkollok karozza moderna, ice engine, jiġifieri taħdem bil-petrol, diesel jew hybrid, aktar mhi moderna, aktar l-emmissjonijiet se jonqsu. Nafu ukoll li parti mil-liċenzja li nħallsu hija dwar emmissjoniiet. Xi ftit jew wisq hija sitwazzjoni tajba għal kulħadd.”