Naqsu kważi bin-nofs ix-xufiera li qed jitwaqqfu mill-Pulizija fuq suspett ta’ sewqan taħt l-effett tal-alkoħol, u li jirriżultaw li fil-fatt kienu qed isuqu xurbana.
Dan qalulna l-Ispettur Nicholas Vella, mis-Sezzjoni tat-Traffiku tal-Pulizija, li tkellem magħna dwar l-andament tal-ispezzjonijiet li qed isiru f’dan il-perjodu ta’ festi, waqt waħda minnhom li segwejna mill-qrib f’San Pawl il-Baħar.
L-ispezzjonijiet fit-toroq, dawk magħrufa bħala roadchecks, isiru matul is-sena kollha, iżda f’dawn iż-żminijiet marbutin mal-feti għandek iktar ikliet, iktar festini, iktar nies idumu barra allura iktar anki iktar karozzi fit-toroq mal-lejl, bdew isiru prattikament kuljum. Ilhom isiru kuljum mill-ewwel ta’ Diċembru biex iżidu l-preżenza ta’ sigurtà fit-toroq. Ġejna hawnhekk f’Kennedy Grove fejn qed insegwu spezzjoni mmexxija mill-Pulizija tat-Traffiku iżda anki bis-sehem ta’ skwadri oħra tal-Pulizija u anki uffiċjali ta’ Transport Malta biex nifhmu s-sinifikat ta’ dawn l-ispezzjonijiet u allura l-importanza li fit-triq, kulħadd ikun konformi mal-liġi.
L-Ispettur Vella spjegalna kif il-Pulizija għandha l-poter li twaqqaf kwalunkwe vettura fit-triq, wara li jkun ħareġ mandat biex isiru spezzjonijiet fit-toroq Maltin.
Dan dejjem bil-għan li tiżdied is-sigurtà fit-toroq, kemm tax-xufiera nfushom iżda anki ta’ kull min jinzerta jkun għaddej fit-triq.
Qal, “Hawnhekk il-Pulizija qegħdin jispezzjonaw il-karozzi minħabba ksur ta’ regolamenti, kemm tat-traffiku u wkoll persuni li jistgħu jkunu bla liċenzja, liċenzja skaduta, jew assigurazzjoni, fost diversi kontravenzjonijiet relatati mat-traffiku, u ovvjament wara li ssir l-ispezzjoni, joħorġu diversi charges u kontravenzjonijiet relatati.”
Il-Pulizija tista’ twaqqaf ukoll vetturi fuq suspett ta’ sewqan taħt l-effett tal-alkoħol.
F’dawn il-każijiet, il-Pulizija tipproċedi billi tagħmel it-test tan-nifs, li jista’ jirriżulta kemm fil-pożittiv jew fin-negattiv.
Hawnhekk l-Isptettur innota kif fl-ewwel ġimagħtejn li bdew isiru dawn l-ispezzjoniijiet kuljum tul dan l-istaġun tal-festi, ġie nnutat tnaqqis drastiku fin-nies li qed jirriżultaw pożittivi għat-test tan-nifs.
Dan anki riżultat tal-kultura li aktar nies qed jużaw taxis jew cabs meta joħorġu u jkunu jafu li se jixorbu.
Qal, “Fl-ispezzjonijiet li qed nagħmlu fi żmien il-Milied indunajna li hemm ammont inqas ta’ persuni li qed jirriżultaw taħt l-influwenza tax-xorb. Meta qed nikkumparaw mas-sena li għaddiet, fejn is-sena li għaddiet kien hemm ħamsin fil-mija li waqqafna u għamilnielhom il-breathalyzer u rriżultaw fil-pożittiv, din is-sena bejn wieħed u ieħor hemm tlieta u tletin fil-mija ta’ dawk li qed inwaqqfu, isirilhom breathalyzer u jirriżultaw fil-pożittiv.”
L-ispezzjonijiet tal-vetturi u kontrolli fuq is-sewwieqa mal-lejl qed isiru kuljum f’arterji prinċipali tat-traffiku tul il-lejl kollu, bis-sehem ta’ diversi taqsimiet, fosthom tat-Traffiku, tar-Rapid Intervention Unit, tad-Distrett, u tal-K9. Fil-lejl li konna hemm aħna stajna nosservaw ukoll is-sehem ta’ Atos, il-kelb tar-razza Belgian Shepherd, li xamm fejn kien hemm bżonn biex jara kienx hemm xi drogi fil-vetturi li twaqqfu.
F’dawn l-ispezzjonijiet qed jassistu wkoll uffiċjali ta’ Transport Malta.
L-appell dejjem jibqa’ biex min se jixrob f’dawn iż-żminijiet ta’ festi, ma jsuqx.
Qal, “Qed naraw li diversi inċidenti li jsiru, iseħħu minħabba tliet fatturi. L-ewwel wieħed huwa minħabba s-sewqan taħt l-influenza tax-xorb u tad-drogi, fejn nappellaw li dawn ma jintużawx qabel ma persuna ssuq, it-tieni fattur huwa meta persuna jsuq bi speed eċċessiv, fejn l-istess appell biex persuna ssuq iktar bil-galbu, u l-aħħar fattur huwa meta persuna tuża l-mowbajl, fejn qed nappellaw biex ma jintuża l-ebda apparat elettroniku waqt li persuna ssuq.”