Il-Ministru Michael Farrugia llum ħabbar aktar tnaqqis ta’ nies minn fuq il-benefiċċji soċjali.
Dan ifisser illi il-politika ta’ making work pay li qed iħaddan dan il-Gvern qed taħdem u tħalli ir-riżultati mixtieqa.
Il-Ministru semma informazzjoni li nġabret mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tul Marzu ta’ din is-sena. L-informazzjoni tkopri l-aħħar erba’ snin.
In-numru ta’ persuni fuq l-assistenza soċjali sal-31 ta’ Diċembru 2012 kien 17,727, u 5,762 minnhom kienu jirċievu il-benefiċċju tal-qgħad.
Dan in-numru naqas għal 9,250 sal-11 ta’ Marzu 2017, fejn 1,210 minnhom jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad.
Dan iffisser illi mill-ewwel ta’ Jannar 2013 u l-11 ta’ Marzu 2017 (xahar ilu) kien hemm tnaqqis ta’ 8,477 persuna minn fuq l-assistenza soċjali.
Dan ifisser tnaqqis ta’ 47.8%, kważi bin-nofs.
Il-Ministru ppreżenta informazzjoni li għandha x’taqsam mal-assistenza soċjali (SA), assistenza soċjali għal ġenituri waħedhom (SUP), carers’ allowance (SAF) u l-benefiċċju tal-qgħad (UA).
Dawn il-benefiċċjarji kienu jirċievu dawn il-benefiċċji qabel ma bdew jaħdmu.
Beneficcju | Total |
SA | 648 |
SUP | 1,053 |
SAF | 2 |
UA | 882 |
Total | 2,585 |
Dawn illum kollha daħlu fuq is-sistema tat-tapering, u m’għandhomx aktar bżonn il-benefiċji t’hawn fuqn. Permezz tat-tapering, persuna tibqa tirċievi il-benefiċċju mnaqqas għal-perjodu ta’ tliet snin.
Joħroġ ċar li il-benefiċċjarji tal-assistenza soċjali, tal-assistenza għal ġenituri waħedhom u tal-benefiċċju tal-qgħad baqgħu dejjem jonqsu, filwaqt illi dawk li qed jibbenefikaw mit-tapering dejjem qed jiżdiedu.
Il-Ministru spjega, kif jidher fit-tabbella, li n-numru ta’ benefiċċjarji issa laħaq il 2,585 persuna. Tnejn minn kull tlieta huma nisa.
Dan kollu, spjega l-Ministru, jaħdem bħal katina waħda, fejn ir-realtà li qed ngħixu llum hija li inqas nies qed jiddependu fuq l-għajnuna tal-istat.
Illum aktar nies qed jagħżlu li joħorġu jaħdmu u jimxu ‘l quddiem minflok jistennew l-għajnuna.
“Dawn huma riżultati illi kburi li wasalna għalihom permezz tal-inizzjattivi li ħa dan il-Gvern, fosthom, it-Tapering, L-Inwork Benefit u child care b’xejn” qal il-Ministru Farrugia.
“Fejn ħaddiehor kien qal li huwa mpossibli li jsir” żied jgħid il-Ministru, “aħna wettaqnieh u fl-istess ħin pajjiżna qed igawdi minn surplus finanzjarju li konna ilna neqsin minnu għal aktar minn tletin sena”.