L-ammont ta’ persuni li qed jgħixu fuq il-benefiċċji soċjali, mill-elfejn u tnax sas-sena li għaddiet, niżel minn tmintax-il elf għal taħt id-disat elef.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Mark Musù, qal li dawn iċ-ċifri jikkonfermaw is-saħħa tal-ekonomija ta’ pajjiżna, u l-impjiegi kollha li nħolqu.
Riżultati grazzi wkoll għal miżuri, li ħolqu kunċett ta’ making work pay, fejn dak li jkun jaqbillu iktar joħroġ jaħdem milli jistenna l-benefiċċju soċjali.
Is-Sur Musù spjega wkoll żidiet fl-in work benefits, li ġew ikkonfermati fil-baġit għal din is-sena.
Grazzi għal kunċett ta’ ‘making work pay’ li ddaħħal fl-aħħar snin, l-ammont ta’ persuni li qed jgħixu fuq il-benefiċċji soċjali naqas b’iktar minn nofs.
Is-Sur Musù spjega li fil-baġit għal din is-sena, l-iskema tal-‘in-work’ benefit, li fi kliemu wkoll għenet biex tinċentiva lil persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol, ġiet estiża.
Dan hekk kif waqt li fl-introduzzjoni tagħha, kienu jibbenefikaw minnha biss koppji li jaħdmu t-tnejn u single parents li jaħdmu, li għandhom ulied taħt it-tlieta u għoxrin sena, mis-sena ta’ wara, jiġifieri fl-elfejn u sittax, bdew jibbenefikaw anke koppji fejn taħdem persuna waħda biss.
Madanakollu, spjega li l-inċentiv, li għal dan il-grupp ta’ persuni inżamm wieħed baxx apposta, minn din is-sena se jkun qed jiżdied.
Dwar il-bidliet fil-benefiċċju tat-tapering, huwa spjega li skont ma tħabbar fil-baġit, waqt li qabel biex persuna tikkwalifika għal dan il-benefiċċju riedet tkun ilha fuq l-għajnuna soċjali għal sentejn, issa dan il-perjodu tnaqqas għal sena waħda biss.
Is-Sur Musù tkellem ukoll dwar il-politika ta’ dan il-Gvern, fejn qal li l-flus li qed jiġu ffrankati mill-benefiċċji, grazzi għal miżuri maħsuba li jdaħħlu n-nies fid-dinja tax-xogħol, qed imorru postijiet oħra, fosthom iktar minn disa’ miljuni fil-bwiet tal-anzjani f’żidiet fil-pensjonijiet.