Għall-ewwel darba fl-istorja n-numru ta’ persuni fuq l-għajnuna soċjali f’Novembru u Diċembru 2019 niżel taħt is-7,000.
In-numru totali ta’ persuni li kienu qed jirċievu l-għajnuna soċjali f’Novembru kien ta’ 6,986, u dan reġa’ niżel għal 6,928 f’Diċembru 2019.
F’Diċembru 2019, kien hemm 6,315-il persuna fuq l-għajnuna soċjali, inkluż dik imħallsa lill-ommijiet mhux miżżewġa, waqt li kien hemm 613-il persuna oħra jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad.
Dawn il-figuri jirrappreżentaw tnaqqis sostanzjali meta mqabblin ma’ dawk ta’ Diċembru 2012. Fil-fatt in-numru ta’ persuni li rċievew għajnuna soċjali, ftit aktar minn seba’ snin ilu, naqas iżjed bin-nofs.
Dan hekk kif f’Diċembru tal-2012, kien hemm 9,775-il persuna li kienu qed jirċievu l-għajnuna soċjali, inkluż dik imħallsa lill-ommijiet mhux miżżewġa, waqt li kien hemm 4,174-il persuna oħra jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad għal total ta’ kważi 14,000 persuna.
Dawk fuq l-għajnuna soċjali, inkluż dik imħallsa lill-ommijiet mhux miżżewġa, naqsu b35.4%, waqt li dawk li jieħdu l-benefiċċju tal-qgħad naqsu b’aktar minn 85%.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li dawn il-figuri jkomplu juru l-progress li sar f’pajjiżna, li qed iwassal biex il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi qed tkompli titjieb.
Il-Ministru Falzon tenna li dawn ir-riżultati inkoraġġanti ntlaħqu grazzi għal diversi miżuri li daħħal il-gvern, fosthom tat-Tapering, tal-In Work Benefit u s-servizz taċ-Child Care b’xejn li flimkien ma’ ekonomija b’saħħitha u surplus li qed imur fil-bwiet tan-nies, xprunaw biex eluf ta’ ġenituri u persuni oħra għażlu li jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jtejbu ħajjithom u ta’ dawk li jiddependu minnhom.
Irrimarka wkoll li llum il-qgħad waqa’ fl-inqas livelli li qatt ġew irreġsitrati u li llum huma biss terz tal-ammont tal-2012 li huma mċaħħda materjalment severament.
Dan in-numru huwa previst li jkompli jinżel permezz fost oħrajn tal-miżuri tal-budget li bdew jidħlu fis-seħħ mill-bidu ta’ din is-sena.