Bosta miżuri soċjali li ħa l-Gvern fl-aħħar ftit snin wasslu biex matul l-2018 naqsu b’mod qawwi dawk il-familji Maltin li ma jaffordjawx iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jew biex isaħħnu djarhom fl-istaġun tax-xitwa.
Dan joħroġ mill-aħħar statistika ppubblikata mill-Eurostat li turi li llum hawn inqas minn nofs il-persuni li fl-2013 ma kinux jaffordjaw iħallsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma.
Fil-fatt, waqt li r-rata f’Malta bdiet tiżdied sena wara l-oħra taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista, sakemm laħħqet l-14.5% fl-2014, din issa niżlet għal 6.9% fl-2018.
Dan ifisser li waqt li fl-2013 u fl-2014 ir-rata f’Malta kienet 4.6 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea, ir-rata f’pajjiżna fl-2018 niżlet għal daqs il-medja Ewropea. It-tnaqqis f’pajjiżna kien iktar mid-doppju tat-tnaqqis fl-Unjoni Ewropea fl-aħħar 4 snin.
Din l-istatistika tirrifletti statistika oħra li tikkonċerna n-numru ta’ dawk li ma jaffordjawx isaħħnu djarhom fix-xitwa.
Fil-fatt, l-għadd ta’ persuni li ma jifilħux isaħħnu djarhom illum hu inqas minn terz ta’ dak li kien hawn fl-2013.
Skont ċifri tal-Eurostat, fl-2013 kien hawn kwart tal-popolazzjoni Maltija li ma kinitx f’qagħda li ssaħħan darha, u llum hawn biss wieħed minn kull 13-il persuna li ma tiflaħx tagħmel dan.
Ir-rata ta’ Malta fl-2013 kienet aktar mid-doppju tal-medja tal-Unjoni Ewropea biex illum ir-rata f’Malta waqgħet għal inqas mill-medja Ewropea.
Joħroġ ukoll li l-avvanz li għamlet Malta f’dan ir-rigward kien erba’ darbiet ikbar minn dak li għamlet l-Unjoni Ewropea bħala medja.
B’reazzjoni, il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal dan l-avvanz kien dovut l-iktar għat-titjib ekonomiku fil-pajjiż li ħalla iktar flus fil-bwiet tal-familji Maltin u għar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma f’dawn l-aħħar snin.
Fl-istess waqt il-ministru tenna l-impenn tiegħu u tal-Gvern li jibqa’ jagħmel aktar miżuri soċjali li jkomplu jtejbu l-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, sabiex ikomplu jintlaħqu iktar nies li għadhom f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali.