- Jonqsu bi tliet darbiet il-kawżi pendenti fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar
Sal-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena kien hemm 463 kawża pendenti fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar, li jfisser li l-ammont ta’ kawżi pendenti f’dan it-tribunal naqas bi kważi tliet darbiet meta mqabbel mas-sitwazzjoni fl-aħħar ta’ Marzu tal-2012 – meta kien hemm 1,174 kawża pendenti.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja, fi stqarrija spjega li it-titjib seħħ minkejja li żdiedet u twessgħet il-kompetenza legali tal-kawżi li t-Tribunal għal Talbiet Żgħar jista’ jisma’, matul din il-leġiżlatura.
Fil-fatt, waqt li qabel it-Tribunal għal Talbiet Żgħar kien jisma’ kawżi sa EUR 3,494.06 b’emendi tal-Att IV tal-2016, it-Tribunal issa jista’ jisma’ kawżi sa EUR 5,000.
Irriżulta titjib sostanzjali wkoll fil-kejl ta’ kemm kawża tieħu żmien biex tintemm quddiem dan it-tribunal – minn 349 ġurnata fl-ewwel kwart tal-2012, għal 212 ġurnata fl-ewwel kwart tas-sena kurrenti.
Dan għaliex kawżi ta’ dan it-tip – li huma dwar il-ġbir tal-flus – jaffettwaw mhux biss lill-familji li minn żmien għal żmien jista’ jkollhom tilwim, iżda iktar u iktar lin-negozji. Għalhekk, it-titjib reġistrat qed iwassal għal iktar likwidità u għal iktar tkabbir ekonomiku fil-pajjiż.
Il-Gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb l-effiċjenza ta’ dan it-tribunal li hu kruċjali biex bniedem li jkollu bżonn jiġbor flusu jkun jista’ jagħmel dan bla telf ta’ żmien.