Is-sistema tal-punti li tista’ twassal għall-konfiska tal-liċenzja tas-sewqan waslet biex l-ammont ta’ kontravenzjonijiet mogħtija mill-Pulziija tat-traffiku jonqsu b’għaxra fil-mija.
Din is-sistema ddaħħlet lejn l-aħħar tas-sena l-oħra ftit qabel il-festi tal-Milied. L-Ispettur Pierguido Saliba mit-Taqsima tat-Traffiku fi ħdan il-korp tal-Pulizija qal li matul din is-sena żdidet il-preżenza tal-Pulizija tat-Traffiku fit-toroq. Dan minħabba bidla fix-xiftijiet u għalhekk qed ikun hemm iżjed infurzar. B’mod pożittiv innota li s-sewwieqa qed joqgħodu iżjed attenti.
Saliba qal “Biex intik figuri aktar ċari, kellna aktar minn 100 persuna li kienu pożittivi għall-breathylisers jew irrifjutawh. Kien hemm aktar minn 3,300 sewwieq li nqabdu jużaw il-mobiles, u kien hemm viċin l-1,500 fejn jidħol użu ta’ seat belt”
Hekk kif ninsabu fix-xahar tal-Milied u l-festi marbuta mal-ewwel tas-sena, l-Ispettur Saliba jgħid li din is-sena reġa’ kien hemm tnaqqis fil-limitu ta’ xorb li wieħed jista’ jixrob jekk issuq.
Qal li “Il-limitu niżel minn 33 mikro-gramma fin-nifs għal miżuri differenti skond il-liċenzja tal-persuna, skond il-vettura u skond hux qed jipprovdu servizz bħal taxis u minibuses. Il-livelli jvarjaw minn 22 għal 9 għal xejn”
Fil-fatt persuna li ssuq karozza privata jista’ jkollha sa 22 mikrogramma ta’ alkoħol. Dawk li għadhom fl-ewwel tlett snin mindu ġabu l-liċenzja jew inkella vettura kummerċjali jista’ jkollom biss sa’ 9 mikrogrammi. Dawk li xogħolhom hu li jġorru l-persuni bħal taxis ma jistgħu jixorbu xejn!
Spjega li “aħna dejjem qed ngħidu jekk ħa tixrobx issuqx hemm diversi miżuri bħal wieħed juża taxis, cabs, minibuses etc jew inkella hemm is-sistema ta’ designated driver fejn grupp ta’ nies jagħżel persuna ma tixrobx u tkun responsabbli għas-sewqan”
L-Ispettur Pierguido Saliba jispjega li għalkemm hemm il-limiti tax-xorb, jekk sewwieq ikollu inċident u ma jkunx tort tiegħu iżda jinstab li kien xorob anke inqas mil-livell mitlub mil-liġi, jista’ jkollu l-konsegwenzi.
Qal li “ksur tal-ftehim bejn il-persuna u kumpanija tal-assikurazzjoni u l-kumpanija tista’ tfittex lil persuna għal ħsarat kollha anke jekk ikun taħt dak kriminali eżempju 1 mikro-gramma.“
L-Ispettur Saliba ttemm jappella sabiex il-poplu jiċċelebra l-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-sena mingħajr inċidenti fatali bħalma fortunatament kienu dawk tas-sena l-oħra.