Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo tkaża b’dan l-istazzjon għax irrapporta li l-Partit Nazzjonalista qed jaqla’ ħmistax fil-mija fuq kull xirja li qed jbigħ f’dawn iż-żminijiet tal-pandemija.
F’artiklu fuq l-independenti id-deputat li fl-aħħar xhur iddeskriva l-Partit tiegħu stess li spiċċa borġ ġebel, ipprova jiġġustifika din l-iskema tax-xirjiet mid-Dar Ċentrali li fihom ibigħ il-bajd, il-laned tal-corned beef u t-tonn taż-żejt u ħobża mqatta’.
Qal li l-Partit Nazzjonalista qed jitma l-eluf ta’ nies u jgħin lil vulnerabbli.
Iżda d-deputat Nazzjonalista naqas milli jsemmi li dawn ix-xirjiet huma bil-flus.
Reklam tal-Partit Nazzjonalista jgħid hekk, “Il-Partit Nazzjonalista qed joffrilek il-possibilità jew xirja kbira ta’ 75 ewro jew waħda iżgħar ta’ 40 ewro.”
Ivan Bartolo li jgħid li jitkellem ħafna fuq il-qasam soċjali u l-vulnerabbli ma semmiex ukoll li l-Viċi kap tiegħu stess Robert Arrigo kien ammetta li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel il-qliegħ minn dawn ix-xirjiet.
Sorsi qrib id-Dar Ċentrali kienu sostnew kif ma niżlitilhom xejn tajjeb li l-Partit Nazzjonalista daħal fl-għalqa tal-ħwienet tal-merċa hekk kif il-partit kien qed jidher jinqeda mill-pandemija biex jaqla’ l-flus minn fuq dahar in-nies.
Dan fl-isfond li l-Partit Nazzjonalista jinsab f’qagħda finanzjarja mwergħa tant li anki l-Kap Adrian Delia spiċċa juża d-diskors tiegħu tas-Sibt biex jitkellem fuq id-djun li għandu l-partit f’tal-Pietà.