Is-settur tat-turiżmu f’pajjiżna ħa l-ewwel daqqa minħabba l-pandemija tal-COVID-19, li laqtet lid-dinja kollha.
Dan hekk kif ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għat-turiżmu fix-xahar ta’ Marzu, juru tnaqqis ta’ aktar minn sitta u ħamsin fil-mija meta mqabbla ma’ Marzu tas-sena l-oħra.
Fix-xahar li ra l-ewwel każ ta’ coronavirus f’Malta u numru ta’ restrizzjonijiet tal-ivjaġġar fosthom l-għeluq tal-ajruport, f’Malta waslu ftit aktar minn 75,000 turist. Kważi mitt elf turist inqas minn Marzu tal-elfejn u dsatax.
Intant, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li rreġistra tnaqqis ta’ 99% fin-numru ta’ passiġġieri f’April.
Il-mitjar Malti ħa ħsieb elfejn, tliet mija u sebgħin passiġġier, fi 73 titjira ta’ ripatrijazzjoni minn u lejn tmien pajjiżi fix-xahar t’April.
It-titjiriet ta’ ġarr ta’ merkanzija żdiedu bi kważi 40% fuq April tas-sena l-oħra.