Ix-xahar li għadda s-serq f’pajjiżna naqas b’aktar minn 25% meta mqabbel ma’ Marzu tas-sena li għaddiet.
Bil-ħwienet magħluqa u n-nies qegħdin joqogħdu aktar fi djarhom minħabba l-imxija tal-Coronavirus, qed iżomm lura lill-kriminali milli jagħmlu xi reat kriminali bħal xi serqa.
Iżda mhux biss, miżuri li qed jieħdu l-pulizija kienu important.
L-ispettur Fabian Fleri mid-dipartiment tal-investigazzjonijiet kriminali qal li fit-toroq żdiedet aktar l-preżenza tal-pulizija.
L-ispettur Fleri stqarr, “Minħabba li hemm inqas nies fit-toroq u inqas traffiku, ir-response time tal-pulizija biex jaslu fuq il-postijiet huwa ħafna inqas. Allura once li ħa tidħol it-telefonata tal-emerġenza, il-pulizija ħa jmorru aktar malajr. Għandek ħafna iktar pulizija fit-toroq ħabba li qed isiru l-inspections kemm f’postijiet pubbliċi u kemm fid-djar hemm iktar pulizija fit-toroq allura iktar qed inkunu viċin.”
Naqas ukoll b’aktar min-nofs is-serq mid-djar hekk kif f’Marzu tas-sena l-oħra daħlu 63 każ tas-serq minn djar iżda f’Marzu ta’ din is-sena kellna biss 29 każ.
Is-serq mill-karozzi naqas minn 136 każ għal 85 każ f’Marzu ta’ din is-sena.
Ta’ sorpriża wkoll għall-pulizija li s-serq mill-ħwienet naqas minn 25 każ għal 23 kaz.
L-ispettur saħaq, “Per eżempju anki ħanut magħluq u mhux qed tiftaħ kompletament jaraw li s-CCTV kameras jibqgħu jaħdmu u jiċċekkjaw li jibqgħu jaħdmu għax jaf ikollok surge fid-dawl jew jinqata’ d-dawl, u għal xi raġuni ma jibqgħux jaħdmu l-kameras. Allura jiċċekkjawhom ħalli jaraw li jiffunzjonaw sew. Importanti ħafna min għandu alarms anki speċjalment mad-djar jew ħwienet li mhux qed ikunu hemm, li jaraw li qed jiffunzjonaw u tajjeb ukoll li jekk dawn l-alarms ġeneralment ikunu mqabbdin mal-depot tal-pulizija jew inkella mal-għassa tal-lokal.”
Intant żdied is-serq minn djar vojta, kmamar fl-għelieqi u siti ta’ kostruzzjoni.
Is-serq minn siti ta’ kostruzzjoni żdied minn 12-il każ f’Marzu tal-2019 għal 31 każ f’Marzu ta’ din is-sena.
L-ispettur ikkonkluda jgħid, “Is-serq mill-building sites qed isir u ħafna minnhom ikun serq ta’ għodda jew inkella ta’ materjal li jkun għadu ma twaħħalx. Allura nissuġġerixxu speċjalment lil dawk is-sidien ta’ dawn il-building sites li mhumiex qed jaħdmu fihom biex kemm jista’ jkun ma jħallux għodda hemmhekk jerfgħuhom f’post aktar sigur. Għandek is-serq mid-djar vojta, nissuġġerixxu, aħna m’aħniex qegħdin total lockdown iġifieri inti llum il-ġurnata tista’ toħroġ tmur mixja, tista’ toħroġ iddur dawra bil-karozza. Nissuġġerixxu biex kemm jista’ jkun li f’dawn iż-żminijiet imorru jagħtu daqqa t’għajn frekwenti lil dawn il-postijiet.”