Sal-aħħar ta’ Settembru li għadda kellna tnaqqis ta’ aktar minn mitejn u tnejn u tletin miljun ewro f’defiċit.
Dan skont statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO.
Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, id-dħul rikurrenti tal-Gvern żdied b’mod qawwi meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
F’kuntest t’aktar nies jaħdmu, id-dħul rikurrenti żdied bi kważi 24% u laħħaq it-tliet biljun, sitt mija u sebgħa u għoxrin miljun ewro.
Din iż-żieda fid-dħul primarjament waslet miż-żieda mit-taxxa tad-dħul hekk kif fl-aħħar xhur, waqt pandemija, Malta rreġistrat l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
Mit-taxxa tad-dħul il-Gvern daħħal tliet mija u wieħed u ħamsin miljun u nofs ewro aktar minn bejn Jannar u Settembru tas-sena l-oħra.
Kien hemm ukoll żieda fil-ħlas tal-bolol tas-Sigurtà Soċjali, li jħallsu l-ħaddiema biex imbagħad eventwalment ikollhom pensjoni.
Skont l-NSO ukoll żdiedet in-nefqa rikurrenti tal-Gvern bi kważi sitt mija u ħamsa u erbgħin miljun ewro.
L-akbar kontributur għal din iż-żieda fin-nefqa kienet ġejja minn programmi u inizjattivi bħal nefqiet fi proġetti li għamel il-Gvern bejn Jannar u Settembru li għadda u anki nefqiet soċjali u oħrajn fis-settur tas-saħħa u l-anzjani.
In-nefqa kapitali tal-Gvern imbagħad naqset fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, partikolarment minħabba l-bidla fl-iskema tal-għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi, magħrufa bħala l-Covid Wage Supplement.
Fil-fatt mill-bidu ta’ din is-sena, il-Wage Supplement beda jingħata lil dawk in-negozji l-aktar milquta u dawk li bdew jerġgħu jaqbdu sew ma baqgħux jieħdu għajnuna daqskemm kienu qed jieħdu qabel.