Qraba tal-anzjani li jinsabu f’residenza, bdew jerġgħu jżuruhom mingħajr ma jkollhom ħġieġ u perspex jifirduhom.
Dan l-istazzjon żar Casa Arkata fil-Mosta fejn sab lil Simone Taliana – viżibbilment emozzjonata – tiltaqa’ ma’ ommha għall-ewwel darba wiċċ imb’wiċċ wara aktar minn tliet xhur.
“Tieħu pjaċir anki huma msieken wara tliet xhur, allavolja dejjem ġejt anki meta konna barra, kont nittawlilha minn fuq il-pont u mill-kamra tittawwalli, u nxejru lil xulxin mill-bogħod, imma xorta, issa li fadal li nitgħannqu.”
Simone spjegat li dejjem żammet kuntatt m’ommha anki fl-eqqel tal-pandemija, u dan għen biex l-anzjana wkoll tifhem għaliex kien hemm ir-restrizzjonijiet.
“Once li dejjem qed tgħidilha x’inhu tajjeb u ħażin, u qed tara lilek liebsa ċerti affarijiet, hi ħa taċċetta dak li hu tajjeb għal kulħadd.”
F’din id-dar, żewġ persuni biss jistgħu jidħlu fl-istess ħin biex jiltaqgħu mal-anzjani b’appuntament.
L-amministratur tad-dar Robert Grech Spjega l-proċess li jsir ma’ kull min jirfes l-għatba tad-dar, inkluż lilna qabel ma saret l-intervista.
“Għandna kwestjonarju li qegħdin nimlew biex naraw li dawn il-persuni ma kinux esposti għall-COVID, qed neħdulhom it-temperatura, qed naraw li jkunu lebsin jew maskra jew visor, qegħdin jużaw sanitiser għal idejhom u qegħdin jilbsu apron ħalli kemm jista’ jkun nissalvagwardjaw lill-anzjani fid-dar tagħna.”
Żied li dawn l-aħħar tliet xhur kienu ta’ sfida.
“Għall-anzjani kienet diffiċli. Għalkemm kien hemm bosta li fehmu għalxiex ħadna dawn il-miżuri li ma nħallux lill-qraba jidħlu, kien hemm ħafna li fehmu, imma nies oħrajn ma setgħux jifhmu, forsi jifhmu dak il-ħin imma mbagħad jinsew il-kunċett jew x’inhi r-raġuni, ma kinitx faċli.”
F’Casa Arkati ltqajna wkoll ma’ Betty u Joseph – koppja anzjana li f’dawn l-aħħar erbatax-il ġimgħa kienu ’l bogħod mill-familja.
“Xi ftit jew wisq dwejjaq hux, u l-iżjed li mmissjajna li toħroġ naqra għax aħna noħroġu għal weekends u hekk imma ma stajniex, kellna noqgħodu hawn.”
L-anzjan spjega kif qed iħares ’il quddiem għall-ewwel ta’ Lulju meta r-residenti fid-djar tal-anzjani se jkunu jistgħu joħorġu.
“Kont noħroġ kull filgħodu, immur il-Quddies fil-knisja l-kbira, immur nieħu kafe, immur nimxi naqra nagħmel tliet kwarti nimxi peress li qiegħed magħluq imxejn hawn ġew imma ssoltu nimxi fit-triq, għax dik iżżommok healthy il-mixi, ħafna.”
Betty u Joseph ilhom miżżewġin tlieta u erbgħin sena, u f’dawn l-aħħar xhur, sabu wens f’xulxin aktar minn qatt qabel.
“Mod ieħor hux ikollok ma’ min tgħid kelma qed tifhme. Meta tkun waħdek, waħdek inti, iva jkun hemm in-neighbours u n-nies imma familja mod ieħor hux vera?”
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis appella għar-responsabbiltà biex kulħadd isegwi l-miżuri ta’ prekawzjoni.
“Hemm ukoll ir-regolamenti li intom tridu tobdu però b’sodisfazzjon ngħid li mill-ewwel ta’ Lulju, intom l-anzjani li tinsabu fil-homes, se tkunu tistgħu toħorġu wkoll mill-homes.”