Wasal fl-aħħar fażi l-proġett tal-Luqa Junction hekk kif fadal biss mina ta’ 60 metru biex titlesta. Fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet, infetħu t-toroq kollha, fid-direzzjoni permanenti tagħhom, li huma marbutin ma’ dan il-proġett.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructer Malta Ivan Falzon, waqt żjara li għamlu fuq il-post.
Dan ifisser li issa l-aġenzija se tkun qed tiffoka r-riżorsi fuq it-tlestija tal-mina. Mina ta’ 60 metru li se tgħaqqad il-karreġġjata lejn il-punent ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa mal-karreġġjata lejn it-tramuntana ta’ Triq San Tumas, li toffri konnessjoni diretta u bla interruzzjoni minn Santa Luċija u l-Marsa lejn Ħal Luqa u Ħal Qormi, u mingħajr ma taqsam minn ġot-traffiku minn destinazzjonijiet oħra fl-istess direzzjoni.
Wara t-tlestija tal-mina, ikun jonqos biss li jsir il-landscaping tal-proġett flimkien mas-sinjali permanenti tat-traffiku. Meta jinfetaħ fit-totalità tiegħu, se jkun hemm wkoll il-possibbiltà li n-nies jagħmlu użu mir-rotot ta’ mobilità attiva li dan il-proġett joffri.
F’kummenti li l-Ministru Farrugia ta lil ONE News, huwa stqarr li qed isiru l-isforzi kollha possibli biex dan il-proġett jinfetaħ malajr kemm jista jkun u mingħajr dewmien żejjed.
Il-proġett tal-Luqa Junction huwa investiment ta’ €11-il miljun biex jissostitwixxi r-roundabout prinċipali ta’ din il-lokalità b’junction f’diversi livelli li jiffaċilita konnessjonijiet b’aċċessibilità u b’sigurtà aħjar bejn Ħal Qormi, Ħal Luqa, Santa Luċija, il-Marsa, il-Gudja, l-Ajruport u l-mini ta’ Ħal Kirkop.
Il-proġett jinkorpora passaġġi, pedestrian crossings u korsija segregata ġdida għaċ-ċiklisti u dawk li jiffrekwentaw iż-żona bil-mixi tul Triq il-Kunsill Tal-Ewropa.