Se jkun qiegħed jonqos b’iktar minn nofs iż-żmien biex wieħed jiftaħ negozju f’pajjiżna. Dan skont pjan ta’ ħidma li wettaq il-Gvern li għandu l-għan li jkompli jnaqqas il-burokrazija u li ħdax–il proċedura li wieħed isegwi llum għandhom jinżlu għal tnejn. Eżerċizzju dettaljat li sar stabilixxa li llum wieħed idum 28 jum biex jiftaħ negozju u l-mira ambizzjuża hi li dawn jinżlu għal 12-il jum wara Settembru li ġej. Id-dettalji tħabbru mis-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, Mario Cutajar, wara li fl-aħħar jiem kien iffirmat ftehim li permezz tiegħu kien issiġġilat il-ftehim li saħħaħ l-impenn tal-gvern biex negozji jibdew u joperaw f’pajjiżna b’mod iktar sempliċi.
Rapport tal-World Bank dwar il-faċilità biex wieħed jiftaħ negozju kkonkluda li fost l-iktar dipartimenti li jdumu biex jagħtu l-permessi meħtieġa għall-ftuħ ta’ negozju hemm dak tal-VAT u tal-liċenzji. Id-dipartiment tal-liċenzji huwa deskritt mill-Gvern bħala wieħed li ma joffrix valur, li jaħdem b’sistemi li spiċċa żmienhom, b’infurzar li ma jeżistix u bi spejjeż mhux xierqa. Għaldaqstant dan se jkollu l-irwol tiegħu mibdul hekk kif mil-lum negozju jkun jista’ jibda jaħdem ladarba huwa rreġistrat mad-Dipartiment tal-Vat, dak tat-Taxxi Interni u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ.
Dan se jwassal biex negozju jiffranka minn €70 sa €1,000 fis-sena. Huma 30,000 negozju li mistenija jgawdu minn din il-miżura li ma tnaqqas xejn mis-serjetà. Dan għax se jinżammu permessi regolatorji, regoli ta’ sanità u testijiet marbuta mal-kwalifiki. Dan ifisser li proċess li kien jieħu għaxar t’ijiem, biex tinkiseb il-liċenzja mit-trade, se jkun eliminat għal kollox.
Il-ħsieb hu li l’ quddiem isiru bidliet biex il-proċess kollu jinżel għal ġimgħa jew inqas. Intant, dak marbut mal-kisba tal-liċenzja mhux l-uniku bidla. Imma hemm bidliet oħra ambizzjużi. Bħal dik li l-konsultazzjoni u permessi għat-tħaffir ma’ Transport Malta jinżlu għal sebat ijiem minflok tletin jum, li xogħol mill-Enemalta jsir f’ħamsin minflok sittin jum u li xogħol mal-Water Services Corporation isir f’26 jum minflok 24.
Negozju f’Malta se jinfetaħ fi żmien 12-il ġurnata minflok 28 ġurnata. Dan se jkun possibli wara li se jiġu simplifikati l-proċessi li n-negozjant irid isegwi sabiex jiftaħ negozju f’malta.
Il-mira ambizzjuza tal-Gvern hija li wara Settembru li ġej, negozju f’Malta jinfetaħ fiż-żmien ġimgħa. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Permanenti ewlieni Mario Cutajar.
B’kollox in-negozju jrid isegwi żewġ proċeduri minflok ħdax-il proċedura bil-għan li titnaqqas il-burokrazija għal min irid jibda negozju.
Se jitnaqqsu ukoll numru ta’ proċeduri li negozju jrid isegwi ma’ entitajiet governativi. Sabiex jinkiseb permess minn Transport Malta l-proċessi se jsiru fi żmien sebat ijiem minflok tlettin ġurnata. Xogħlijiet fin-negozju li jinvolvu l-Enemalta se jsiru fiż-żmien ħamsin ġurnata minflok sittin ġurnata. Filwaqt li x-xogħlijiet li jinvolvu l-korporazzjoni tal-ilma se jieħdu 26 ġurnata minflok 42 ġurnata. Sa Settembru illi ġej il-ħsieb huwa li negozju jinħoloq b’mod elettroniku fiż-żmien tlett ijiem. Dan billi jiġu segwiti żewġ proċeduri.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li se jiġu affettwati mat-30,000 negozju, li b’kollox se jiffrankaw mal-€1000.