Partijiet minn film Taljan, maħsub biex ikun fis-swali taċ-ċinema s-sena d-dieħla, qed jinġibed f’pajjiżna bħalissa. Il-ġbid tal-film qed isir fil-Forti Rikażli u l-Malta film studios.
L-isem tal-film hu Tolo Tolo u fost l-atturi tiegħu hemm l-attur rinomat Taljan Checco Zalone
Dan il-film qed isir b’investiment miljunajru tant li f’sebat ijiem ta’ xogħol f’pajjiżna mistennija jintefqu mal-miljun u € 500,000.
Meta żar lit-tekniċi u l-atturi fuq il-post il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi nnota kif produzzjoni bħal din ħadmet bosta Maltin, inkluż atturi.
Huwa stqarr li “ir-return on investment ġol-ekonomija tagħna kienet wahda b’saħħitha. Jekk tara hawnhekk għandek supply chain sħiħa ta’ nies ta’ atturi, support actors li huma Maltin extras nies li jipprovdu l-props. Il-commision qed toffri s-servizzi tagħha u anki lukandi u servizzi oħrajn.”
Midja fl-Italja diġà qed tirrapporta b’interess dwar din il-produzzjoni tant li qed jintqal li hemm antiċipazzjoni kbira għaliha, filwaqt li s-sehem tal-attur Zalone qed ikompli joħloq interess. Siti dwar iċ-ċinema rrapportaw ukoll dwar l-istorja li hi waħda komika.
Il-Kummissarju Malti għal-Films Johann Grech tkellem dwar kif il-ħsieb tal-Kummissjoni hu li films ta’ dan it-tip saħansitra jdumu iktar f’pajjiżna. Għalhekk l-investiment fi żvilupp ta’ sound stage, fost oħrajn.
Is-Sur Grech qal li “huwa importanti biex aħna nkomplu nsaħħu l -infrastruttura tal-faċilitajiet ta’ pajjiżna. Għalhekk Malta ma tibqax tintuża biss għat-tankijiet imma tibda tintuża wkoll għas-soundstage biex produzzjoni barranin jibqgħu hawn Malta u jiffilmjaw l-interior tagħhom ġewwa Malta. Inkomplu nħallu iktar crew iktar nies jaħdmu, investiment ġewwa pajjiżna.”
Ladarba dawn l-investimenti jkunu lesti l-industrija tal-films tibda tattira anke produzzjonijiet li forsi sal-lum ma jikkunsidrawx lill-Malta u hekk din l-industrija li qed tissaħħah timraħ fi swieq u oqsma ġodda.