Il-Kunsillier tal-Imqabba Jonathan Dingli rriżenja mill-Partit Nazzjonalista, f’riżenja oħra fil-partit ta’ Bernard Grech.
Dingli ħabbar li se jkun Kunsillier indipendenti u mhux se jibqa’ jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Imqabba.
Apparti minn hekk, Dingli anki rriżenja mill-Kumitat Sezzjonali Nazzjonalista tal-Imqabba.
Fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Dingli qal li ilu xhur jistenna l-bidla fil-Partit Nazzjonalista iżda din qatt ma seħħet u qatt mhu se sseħħ jew għadha ’l bogħod.
Fil-kitba tiegħu, fil-jiem li l-Partit Nazzjonalista qed jimbotta kampanja ta’ suppost bidla, Dingli fisser kif fil-partit ta’ Bernard Grech għad hemm min qed jibqa’ jiddetta.
Spjega li huwa ltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-partit u għarfu bir-riżenji tiegħu.
Dingli qal li ma felaħx iżjed u li kien pass diffiċli u għalhekk il-weġgħa hija kbira.
Saħaq li prova fuq li prova iżda kollu kien għalxejn.
Hawnhekk Dingli kwota lill-eks Kap Adrian Delia u saħaq li la ma għandux fiduċja, ibaxxi rasu u jitlaq.
Dingli żied jgħid ukoll li minħabba d-deċiżjoni li ħa, se jkun hemm min jobgħodu, ma jkellmux iktar u jħarislu bl-ikrah iżda għalih il-ħajja se tkompli.
Din ir-riżenja ssegwi oħrajn fosthom tal-kandidata Tiffany Abela Wadge, li fi kliemha ħassitha fgatha u li riedu jagħlqulha ħalqha meta tkellmet fuq temi marbuta man-nisa.
Ftit tal-ġimgħat ilu, George Muscat, illum Kunsillier indipendenti f’Ħal Qormi, irriżenja wkoll mill-Partit Nazzjonalista, wara li ġie ċċensurat mill-partit ta’ Bernard Grech għax faħħar l-inizzjattiva tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex.