Yachting Malta Ltd ħabbret il-ħatra ta’ Jonathan Borg bħala Ċerman ta’ Yachting Malta.
Il-ħatra uffiċjali ġiet ippreżentata mill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, l-Onorevoli Aaron Farrugia.
Jonathan Borg huwa t-tielet Ċerman ta’ Yachting Malta li hija sħubija pubblika-privata bejn il-gvern u r-Royal Malta Yacht Club, min meta giet mnieda fl-2015.
B’aktar minn tletin sena esperjenza fl-industrija marittima, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll privat, Borg għandu rekord twil ta’ tmexxija ta’ proġetti kumplessi. Bi speċjalizzazzjoni fir-riċerka u l-analiżi, huwa kien strumentali fl-introduzzjoni ta' strateġiji ġodda fi ħdan l-industrija kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Hu kien ukoll responsabbli biex jesegwixxi b’suċċess obbligi kuntrattwali tal-baħar ma’ diversi kuntratturi Marittimi globali ewlenin li joperaw fil-Baħar tat-Tramuntana, prinċipalment mill-Amerika ta’ Fuq, l-Olanda, il-Gran Brittanja, u d-Danimarka, kif ukoll il-Mediterran u l-Afrika ta’ Fuq.
Minbarra l-kapaċità, il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tiegħu, Jonathan għandu passjoni għal dak kollu li għandu x’jaqsam mad-dinja marittima. Huwa membru li ilu jservi tal-Malta Maritime Forum u midħla tal-komunità tal-ibburdjar.
“Li nħatar bħala Chairman ta’ Yachting Malta huwa tassew unur li jiġi b’responsabbiltà kbira li nkompli fuq ix-xogħol li għamlu l-predeċessuri tiegħi. L-industrija bħalissa tinsab f’fażi interessanti ħafna partikolarment fid-dawl tal-Politika Nazzjonali li tħabbret dan l-aħħar li għandha l-għan li tikkonsolida l-industrija f’Malta”, irrimarka Borg.
Yachting Malta qed taħdem mill-qrib ma’ partijiet interessati oħra tal-industrija fl-isforzi tagħha biex din l-industrija tissaħħaħ bħala pilastru ekonomiku, u biex tkompli taħdem sabiex Malta tkun il-ġurisdizzjoni Ewropea ewlenija fil-jottijiet, kemm bħala destinazzjoni kif ukoll bħala l-bandiera tal-għażla.
Borg stqarr li Yachting Malta se tkun qed tospita l-Yacht Racing Forum bejn il-21 u t-22 ta’ Novembru.
Il-Forum, se jkun qed iġib lejn Malta uħud mill-indivdwi ewlenin tal-industrija għal konferenza intensiva ta’ jumejn u li se tkopri suġġetti bħas-sostenibbiltà, l-isfidi tal-industrija, il-midja u l-marketing. Shirley Robertson, l-ewwel mara Ingliża li rebħet Midalji tad-Deheb Olimpiku f’żewġ Logħob Olimpiku konsekuttivi se tkun qed tippresjedi l-Forum, filwaqt li mistednin distinti jinkludu l-Kap Eżekuttiv tal-World Sailing David Graham, President u CEO ta’ NAVICO Knut Frostad, Andrew Pindar ta’ GAC Pindar u Luca Rizzotti ta’ Foiling Week.
Il-programm sħiħ tal-avvenimenti jinsab fuq https://yachtingmalta.org/yacht-racing-forum/