Illum waranofsinhar, l-Avukat Jonathan Attard se jkun qed jieħu l-ġurament bħala deputat parlamentari Laburista.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, wara li l-Grupp Parlamentari u l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista qablu unanimament li jkun co-opted fil-parlament.
Dan qed isir wara r-riżenja ta’ Manuel Mallia, li nħatar bħala Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit.
Jonathan Attard ilu jipprattika ta’ avukat mill-2015 u minbarra li hu gradwat b’dottorat fil-Liġi, huwa gradwa wkoll fil-Komunikazzjoni u l-Istudji Soċjali.
Fl-aħħar snin, Dr Attard ħadem fuq diversi riformi leġiżlattivi u riformi kostituzzjonali.
Jonathan Attard għandu wkoll esperjenza fil-ġurnaliżmu u kien involut ukoll fil-General Workers’ Union.
Il-Partit Laburista temm l-istqarrija billi radd ħajr lil Manuel Mallia tas-sehem tiegħu fil-politika Maltija u awguralu fil-ħidma l-ġdida tiegħu favur pajjiżna.