Jomic Calleja li kien arrestat u mixli li pprova jixtri splussiv illegalment minn fuq id-dark web talab lill-Qorti biex tiżvela informazzjoni li rnexxielha tikseb il-Pulizija.
Calleja kien arrestat lura fl-elfejn u għoxrin meta l-pulizija interċettat pakkett li fih kien hemm l-isplussiv magħruf bħala C4.
Il-Qorti ppresedutha mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech spjegat li hemm numru ta’ liġijiet li jiggvernaw l-informazzjoni miġbura għall-fini ta’ proċeduri u jekk wieħed jiżvelahom jista’ jkun qed jesponi lilu nnifsu għal riperkussjonijiet.
Fil-Qorti tela’ jixhed l-ispettur Omar Zammit li meta mistoqsi għala l-arrest seħħ meta seħħ, l-ispettur wieġeb li hu ma kienx preżenti għall-arrest iżda l-pulizija rċeviet informazzjoni li Jomic Calleja kellu fuqu xi drogi li rriżulta li kien veru.
Meta mistoqsija mid-Difiża dwar kif interċettaw il-pakkett li fih kellu l-isplussiv, il-pulizija wieġbu li l-pakkett kellu tagħmir biex jiġi sorveljat filwaqt li kien hemm ukoll sorveljanza fiżika minn uffiċjali.
Fil-Qorti d-Difiża insistiet fuq it-talba tiegħu biex jara ritratt li wassal għall-arrest tal-klijent tiegħu u għal dan il-Maġistrat qalet li ser tkun qed tagħti digriet aktar tard matul il-jum.
Id-Difiża nfurmat il-Qorti li qiegħda tikkunsidra każ kostituzzjonali u sostniet li m’għandiex idea x’informazzjoni għandha l-Prosekuzzjoni f’idejha.
Hawnhekk il-Maġistrat sostniet li jekk id-Difiża tagħmel dan, xorta waħda mhux ser tkun qed tissospendi l-proċeduri kriminali kontra Calleja.
Il-Maġistrat temmet tgħid li din it-talba għall-informazzjoni mhux biss hija frivola imma vessatorja.